European Economic
and Social Committee
Il-libertà tal-midja ma tistax titqies bħala ċerta, iżda trid tiġi ppreservata b’mod attiv
Minn Elena-Alexandra CALISTRU, membru tal-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE
Ftit postijiet fid-dinja jgawdu minn tradizzjoni soda bħal dik Ewropea, li tħares il-valuri tal-midja ħielsa u indipendenti. Madankollu, il-wasla ta’ pjattaformi diġitali, tendenzi illiberali biex jingħalaq l-aċċess għall-informazzjoni, it-theddida dejjem tikber għall-ġurnalisti investigattivi u l-kriżi ġġenerata mill-COVID-19 ilkoll qed ipoġġu pressjonijiet differenti, iżda simultanji, fuq l-ekosistema li tippermetti l-eżistenza ta’ midja libera b’mod eċċezzjonali u li din taqdi r-rwol demokratiku tagħha.
Il-KESE reċentement adotta Opinjoni dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Il-Midja tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta’ Azzjoni li jappoġġa l-Irkupru u t-Trasformazzjoni. B’mod partikolari, ilqajna bi pjaċir il-konferma li dawn ix-xejriet sottostanti u l-kriżi tal-COVID-19 jistgħu, fin-nuqqas ta’ rispons qawwi ta’ appoġġ politiku u finanzjarju, idgħajfu r-reżiljenza tas-settur tal-midja tal-Ewropa u r-rwol demokratiku tiegħu.
L-istrumenti proposti fil-Komunikazzjoni jinkludu firxa wiesgħa ta’ miżuri ffukati fuq l-irkupru u t-trasformazzjoni tal-industrija tal-midja u fuq iż-żieda tar-reżiljenza tagħha. Biex dan iseħħ, għandhom jittieħdu passi biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali li qed tiffaċċja l-industrija u biex jitrawwem ambjent abilitanti li fih il-midja u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jipparteċipaw f’dibattitu miftuħ, ħieles mill-interferenza illeċita u d-diżinformazzjoni.
Madankollu, jekk irridu li l-UE tibqa’ l-aħjar post possibbli għal-libertà tal-midja, irridu nqisu xi punti importanti.
L-ewwel nett, il-miżuri għandu jkollhom rabta mar-realtajiet soċjali li jwasslu għad-diskrepanzi fix-xenarju tal-industrija tal-midja u dik awdjoviżiva fl-Istati Membri differenti, u mad-daqs u l-ħtiġijiet differenti tal-midja lokali u nazzjonali. Għalhekk, l-appoġġ finanzjarju għandu jkun trasparenti, aċċessibbli u inklużiv, speċjalment fir-rigward tal-midja lokali u negozji ġodda tal-midja. It-tieni nett, is-soċjetà ċivili trid tissieħeb f’dan, sabiex tagħti tawtonomizza lill-individwi, issaħħaħ il-libertà tal-midja u tiġġieled id-diżinformazzjoni permezz tal-litteriżmu medjatiku.
Jekk irridu li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Ewropa dwar il-Midja jirnexxi, il-partijiet interessati kollha jeħtieġ li jimpenjaw ruħhom fl-isforz biex tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-midja għall-valuri demokratiċi tagħna.