Fid-29 ta’ Marzu, il-KESE organizza l-ewwel Forum tas-Soċjetà Ċivili Ewropea dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, li laqqa’ s-soċjetà ċivili, l-akkademja, u l-istituzzjonijiet tal-UE u internazzjonali biex jiddiskutu ideat innovattivi u rakkomandazzjonijiet konkreti dwar il-futur tal-politika kummerċjali tal-UE. 

Organizzat fi żmien kruċjali għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, l-avveniment inkluda sensiela ta’ sessjonijiet fi gruppi iżgħar li koprew bosta kwistjonijiet mid-drittijiet sostantivi, sal-monitoraġġ, l-infurzar u ħafna aktar, u l-parteċipanti ġew mistiedna jesprimu fehmiethom bħala parti minn rieżami kontinwu tal-pjan ta’ azzjoni ta’ 15-il punt dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u dawr żviluppi reċenti fil-pajjiżi msieħba tal-UE. 

“Il-KESE jimpenja ruħu li jkun forza mexxejja għal dibattitu ambizzjuż dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli li jirrifletti l-aspettattivi għoljin tas-soċjetà ċivili”, affermat mill-ġdid il-President tal-Kumitat Christa Schweng. Hija rreferiet ukoll għall-isfidi ġeopolitiċi ta’ żminijietna: Il-gwerra fl-Ukrajna, bħal ħafna gwerer oħra, għandha dimensjoni marbuta mas-sostenibbiltà: tikkonċerna r-riżorsi u d-dipendenzi f’dinja milquta mit-tibdil fil-klima.

Bernd Lange, President tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Kummerċ Internazzjonali, enfasizza li l-qafas globali nbidel b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 u l-aggressjoni Russa. Is-sistema multilaterali tinsab f’periklu, qal, u huwa ċar li għandha ssir enfasi akbar fuq il-ftehimiet kummerċjali bilaterali.

Luisa Santos minn Business Europe taqbel mal-fehma li l-multilateraliżmu għaddej minn kriżi, iżda żiedet tgħid: Ma rridux naqtgħu qalbna, għaliex jeħtieġ li l-istituzzjonijiet multilaterali jżommu d-djalogu, u enfasizzat għadd ta’ inizjattivi ambjentali reċenti fil-livell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). 

Anaïs Berthier minn Client Earth temmen li l-politika kummerċjali tal-UE hija iżolata wisq mill-politiki l-oħra, bħall-politika ambjentali u dik klimatika. Hija enfasizzat li: L-inizjattivi awtonomi meħuda għandhom jiggarantixxu li l-prodotti li jitqiegħdu fis-suq tal-UE jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà. 

Maria Martin-Prat, Deputat Direttur Ġenerali għall-Kummerċ fil-Kummissjoni Ewropea, li qed tmexxi l-ħidma li għaddejja dwar ir-rieżami tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, qalet li l-koerenza mhijiex l-għan, iżda li hija effettiva u twassal għall-bidla. 

Jean-Marie Paugam, Deputat Direttur Ġenerali tad-WTO, enfasizza li l-kummerċ m’għandux ikun ostaklu għall-politiki ambjentali. “Għall-iżvilupp sostenibbli, għandna mekkaniżmu ta’ notifiki ta’ miżuri kummerċjali u miżuri kummerċjali kbar ħafna ġew ingranati ma’ objettivi ambjentali”. 

Tanja Buzek, President tal-Kumitat ta’ Segwitu tal-KESE dwar il-Kummerċ Internazzjonali u relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar ir-rieżami tal-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, stabbiliet miri ambizzjużi meta qalet li “l-prijoritajiet tagħhna fir-rieżami tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli għandhom jiġu kkunsidrati minn perspettiva ġdida, li jfisser ukoll li nkissru l-kompartamentalizzazzjoni”. Rieżami ambizzjuż irid jinkludi approċċ ta’ infurzar sanzjonabbli mġedded b’monitoraġġ aktar b’saħħtu tas-soċjetà ċivili, bl-użu ta’ strumenti innovattivi u t-tisħiħ tal-ingranaġġ għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli. (at)