Zsolt Kükedi, membru tal-KESE, l-Ungerija  

Bħala delegat li ġej minn organizzazzjoni ambjentali, nagħraf li ftit li xejn hemm lok għal riflessjoni ambjentali fid-dawl ta’ din it-traġedja umana, u li l-persuni li huma direttament milquta mill-influss tar-refuġjati japprezzaw anke l-aktar ġest sempliċi li juri interess, kompassjoni u offerta ta’ ftit għajnuna.

Permezz tal-ħidma ta’ żvilupp reġjonali tiegħi, naf ħafna sindki lokali u mexxejja ta’ kontea li mill-ewwel u bla heda offrew id-djar tal-komunità u ż-żoni komuni tagħhom lir-refuġjati wara li bdiet il-gwerra. Komunità ta’ ftit inqas minn 700 persuna ospitat aktar minn mitt Ukren. Ipprovdewlhom ikel, saqaf taħt rashom u ħaslulhom ħwejġhom. Eżatt wara li faqqgħet il-gwerra, meta mort lura d-dar mis-sessjoni plenarja tal-KESE, ktibt lit-18-il membru tal-gvern lokali, sindki u mexxejja ta’ kontea fil-Lvant tal-Ungerija fejn staqsejt dwar minn xiex kienu għaddejjin u kif nistgħu nkunu ta’ għajnuna minn Budapest. Ma kellix pjan li mmur mill-ewwel lejn il-fruntiera, peress li fl-ewwel jiem l-għajnuna ta’ voluntiera entużjasti tista’ tkun aktar ta’ xkiel milli ta’ għajnuna għall-ħidma umanitarja.

Disgħa mit-18-il persuna li kkuntattjajt weġbuni lura. X’aktarx li l-oħrajn ma kellhomx żmien jaqraw jew iwieġbu l-emails, li huwa għalkollox komprensibbli f’din is-sitwazzjoni. Dawk li wieġbu, madankollu, qalu li l-ittra tiegħi kienet ta’ serħan il-moħħ għalihom. Laqgħu l-fatt li kienu jinsabu fi ħsibijietna u li setgħu jduru fuqna. Xi ħadd talab il-flus għax kien hemm bżonn li jinxtraw kutri u deterġenti. Persuna oħra rreferietni għal fejn kienu qed jinġabru d-donazzjonijiet. Iżda b’mod ġenerali, huma wegħdu li jerġgħu jagħmlu kuntatt hekk kif tistabbilizza s-sitwazzjoni, u li ma jifilħux iġorru l-piż finanzjarju jew personali.

Tajna l-għajnuna tagħna b’mod differenti: ġbarna provvisti mediċi u wassalnihom għand dawk fil-bżonn li ma setgħux jiksbuhom f’din is-sitwazzjoni. Ipprovdejna boroż tal-istoma mill-post tax-xogħol ta’ marti. Il-boroż tal-istoma huma kontenituri speċjali għall-persuni li ma jistgħux ineħħu l-iskart tal-ġisem b’mod naturali minħabba xi difett jew mard li taffettwa xi partijiet tas-sistema diġestiva jew tal-kanal tal-awrina. L-iskart tal-ġisem jitneħħa permezz ta’ fetħa, jew stoma f’post speċifiku fil-ħajt addominali. Il-pazjenti jeħtieġu borża ġdida kuljum. It-trasport ta’ dawn il-boroż vitali kien xi ħaġa li ma stennejniex li nagħmlu. Madankollu, ħajjietna huma kumplessi biżżejjed biex ngħarrfu li f’sitwazzjoni bħal din, kellna wkoll nagħmlu donazzjonijiet mhux tas-soltu.

Fil-laqgħat tas-sezzjoni tagħna tal-KESE ddiskutejna l-gwerra Russo-Ukrena u l-impatt tagħha. Ġejt mitlub nistieden kelliem mill-kamp tal-battalja u espert nukleari biex nifhmu t-theddida fuq l-impjanti tal-enerġija nukleari Ukreni. Peress li għandi ħafna konoxxenzi personali fl-Ukrajna minħabba x-xogħol tiegħi fil-qasam tal-iżvilupp, irnexxieli nikkuntattja lil Serhii Prokopenko, żagħżugħ minn Kharkiv, speċjalista tal-innovazzjoni u l-intraprenditorija, konsulent u riċerkatur ekonomiku. Huwa rrapporta direttament mill-kamp tal-battalja, minn bunker f’Kharkiv fejn kien qed jistkenn wara l-bumbardament taż-żona ftit qabel il-laqgħa tagħna. Minħabba qtugħ fil-konnessjoni tal-internet, huwa kellu jħalli f’idejn l-espert nukleari Ungeriż, li kien mistieden biex jitkellem warajh. Dr Zsolt Hetesi, senior research fellow fl-Università Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Pubblika, ilu involut fir-riċerka dwar l-ambjent, l-enerġija u s-sostenibbiltà mill-2005. Preċedentement, bħala wieħed mill-mexxejja tal-Grupp tar-Riċerka dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u r-Riżorsi, huwa tkellem ħafna dwar il-kriżi li tirriżulta mill-popolazzjoni żejda u l-konsum eċċessiv tar-riżorsi. Bħala espert dwar l-eżawriment tar-riżorsi, huwa tkellem dwar is-sitwazzjoni, il-vulnerabbiltà u ċ-ċans ta’ diżastru nukleari potenzjali fi kwalunkwe wieħed mill-erba’ impjanti tal-enerġija nukleari fl-Ukrajna. Huwa pprova jserraħ moħħ l-udjenza li għalissa, id-dinja ma tidhirx li tinsab f’periklu immedjat minn dawn l-impjanti tal-enerġija nukleari. Din il-preżentazzjoni kienet segwita minn Serhii, u waqt li kien qed jitkellem stajna nħossu r-realtà tal-gwerra. Huwa rċieva applaws kbir. Is-sezzjoni esprimiet solidarjetà miegħu, u sibnieha bi tqila biex niffukaw lura fuq ħidmitna.

Inħoss li din ukoll hija missjoni umanitarja: li nżommu kuntatt man-nies li huma iżolati minħabba l-gwerra u li nitbiegħdu mis-sens ta’ sigurtà li għandna sabiex nifhmu l-qawwa tar-realtà li tista’ tolqotna u nifhmu li aħna wkoll nistgħu noffru l-għajnuna, anke jekk mill-bogħod.