L-Istati Membri jridu jiggarantixxu ġbir preċiż tad-data u politiki xierqa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu u biex jinkixfu r-razziżmu u d-diskriminazzjoni etnika, li marru għall-agħar matul il-pandemija tal-COVID-19 fl-Ewropa.

Minħabba li kwart tal-Ewropej iħossuhom diskriminati f’mill-inqas qasam wieħed f’ħajjithom u bid-diskriminazzjoni razzjali u etnika tilħaq livelli li qatt ma ntlaħqu qabel fl-impjieg, hemm sens ta’ urġenza dwar l-isforzi li tiġi aġġornata u msaħħa l-leġiżlazzjoni biex jiġi miġġieled ir-razziżmu fl-UE. Dan kien il-messaġġ li ħareġ mis-seduta virtwali li ġiet organizzata fit-18 ta’ Marzu mill-KESE.

Is-seduta “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025” laqqgħet flimkien kelliema mill-istituzzjonijiet tal-UE u minn pjattaformi Ewropej għall-ġlieda kontra r-razziżmu u għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem. Iċ-ċifri ppreżentati wrew stampa xejn sabiħa tas-sitwazzjoni fil-livell lokali.

Ir-relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar dan is-suġġett, Cristian Pîrvulescu, enfasizza kemm huwa f’waqtu l-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu, li ġie fil-fatt ippreżentat f’mument fejn l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni ġew approfonditi iktar minħabba l-pandemija.

Min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, Thibault Balthazar enfasizza r-rwol importanti tal-Istati Membri, u ħeġġiġhom jadottaw il-Pjani Nazzjonali ta’ Azzjoni, waqt li jinvolvu lis-soċjetà ċivili u l-korpi kompetenti fil-qasam tal-ugwaljanza. Aleksandra Wesoły ppreżentat strumenti tal-UE bħan-Network ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni u pjattaformi oħra li jgħinu fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u n-narrattivi estremisti. Maria Daniella Marouda qalet li studju mwettaq mill-ECRI (Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza) enfasizza l-progress li sar fil-qasam tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni.

Joanna Goodey mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali enfasizzat li filwaqt li teżisti l-leġiżlazzjoni, hemm nuqqas ta’ data, u kien hemm bżonn li tinġabar data b'saħħitha u regolari sabiex il-pjan ta’ azzjoni jirnexxi.

Ir-relatur għall-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu, Yoomi Renström, enfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kellhom bżonn jiġu rikonoxxuti bħala msieħba strateġiċi fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjani nazzjonali ta’ azzjoni.

Csaba Asztalos, President tal-Kunsill Rumen għall-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni, enfasizza l-importanza ta’ bażijiet ta’ data aċċessibbli u strateġiji ċari ta’ komunikazzjoni, filwaqt li Marie Mescam, minn SOS Racisme, enfasizzat il-bżonn urġenti li jinħoloq spazju għad-djalogu fl-UE, fejn is-soċjetà ċivili, il-korpi għall-ugwaljanza u l-organizzazzjonijiet kontra r-razziżmu jistgħu jiskambjaw l-esperjenzi u jaqsmu l-għarfien tagħhom.

Juliana Wahlgren, uffiċjal responsabbli mill-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni min-Network Ewropew kontra r-Razziżmu, esprimiet it-tama li jekk jiġu involuti persuni li ġejjin minn minoranzi etniċi jew razzjali, b’għarfien espert ewlieni mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, dawn jistgħu jaqdu rwol sinfkanti fl-implimentazzjoni effettiva tal-pjan ta’ azzjoni. (mt)