Is-Sibt 26 ta’ Frar 2022 fil-5 a.m., b’mod għal kollox spontanju, tlaqt lejn il-fruntiera flimkien ma’ kollega. L-invażjoni Russa tal-Ukrajna kienet ilha għaddejja jumejn.

Vjaġġi bħal dawn huma l-ħobża ta’ kuljum għal kwalukwe fotografu ta’ esperjenza, iżda l-eċċitament qatt ma jitlaq. Qed insuqu fid-dlam, lejn Przemyśl. Fi triqtna jispiċċalna l-karburant, ħafna nies konfużi, daqsxejn ta’ paniku.

Jirnexxielna. L-ewwel il-punt ta’ qsim tal-fruntiera f’Medyka. Serbut twil ħafna ta’ karozzi, ħafna karozzi pparkjati. Ħafna nies miġbura jistennew qraba u ħbieb.

Dan huwa l-ewwel grupp. Rajt minn kollox f’ħajti iżda din ix-xena ħallietli għoqla f’griżmejja. Ommijiet żgħażagħ mexjin. Kull waħda qed timbotta pramm, tkaxkar bagalja jew iżżomm id tifel jew tifla. Qed jiġu megħjuna mill-gwardji tal-fruntiera Pollakki. Huma kommossi.

Kollox għandu xeħta daqsxejn differenti milli kellu fil-fruntiera l-oħra, mhux tant żmien ilu. Hawnhekk,dawk għadhom jaslu huma milqugħa b’ferħ, bid-dmugħ f’għajnejhom. Il-ħbieb jew il-familja jieħdu dawn in-nisa żgħażagħ fil-karozzi tagħhom stess. Issa huma sikuri. Mhux ‘il bogħod, fil-fatt fil-bieb biswit, hemm ġemgħa ċittadini Ukreni li jixtiequ jirritornaw lejn pajjiżhom. Fil-biċċa l-kbira huma rġiel. Se jiġġieldu kontra l-għadu.

Umbagħad nitlaq lejn il-punt ta’ qsim tal-fruntiera f’Korczowa. Filgħaxija, l-istazzjoni tal-ferrovija f’Przemyśl u l-punt ta’ riċeviment fil-hypermarket.

U nkomplu għal tlett ijiem.

Kull darba differenti. Aktar u aktar refuġjati u aktar u aktar nies li jixtiequ jgħinu. U qed jgħinu. Is-sitwazzjoni tidher li hija taħt kontroll. Il-ħwienet qed jaħdmu, hemm l-elettriku u, għalissa, tista’ ċċempel kullimkien. Il-munzelli ta’ ħwejjeġ u ta’ ikel qed jikbru. Kollox se jkun utli. Iżda l-aħbarijiet li qed jaslu mill-front dejjem qed jeħżienu.

Fi triqtna lura tgħaddina kolonna twila ta’ vetturi militari. Is-sitwazzjoni hija serja. Wara kollox, hemm gwerra vera ftit lil hinn mill-fruntiera.

Hemm iktar u iktar refuġjati mill-Ukrajna. Ilhom li qabżu l-miljun ruħ.

Il-biċċa l-kbira tagħhom qed jivvjaħħaw lejn bliet kbar. Hemmhekk jgħixu fi stazzjonijiet tal-ferrovija, stadji u ċentri tal-kura.