Il-KESE jimpenja ruħu li jagħti kontribut sostanzjali għall-inizjattivi l-ġodda tal-Kummissjoni

Stqarrija dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, it-trasparenza fil-pagi u l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030

Qed nistennew bil-ħerqa biex naħdmu fuq it-tliet inizjattivi ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea: il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, proposta għal Direttiva biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali permezz tat-trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ nfurzar u l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030.

L-Ewropa tirrappreżenta l-aktar soċjetajiet ugwali fid-dnja, l-ogħla standards fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u protezzjoni soċjali wiesgħa. Ewropa Soċjali b’saħħitha hija l-pedament tal-prosperità u l-benesseri taċ-ċittadini tagħhna kif ukoll ta’ ekonomija kompetittiva, reżiljenti, ekoloġika u diġitali bbażata fuq forza tax-xogħol innovattiva u b’ħiliet.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa mpenjat bis-sħiħ li jappoġġja lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri fi żmien meta jeħtieġ li kulħadd – dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-partijiet interessati rilevanti kollha – jingħaqad fl-isforzi biex l-Ewropa tkun tista’ tirkupra mill-pandemija u ssir iktar b’saħħitha u aktar reżiljenti fil-futur, filwaqt li tisfrutta t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew se jaħdem biex jagħti kontribut sostanzjali dwar l-inizjattivi l-ġodda tal-Kummissjoni, li jirrifletti l-pożizzjoni komuni tal-membri tiegħu, li jiġu minn organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema u minn organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili f’kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE. Il-KESE se jħejji riżoluzzjoni, li għandha tiġi adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ April, li tikkontribwixxi għas-Summit Soċjali ta’ Porto li se jsir f’Mejju 2021. Il-Kumitat se jabbozza wkoll Opinjonijiet dwar il-proposta għal Direttiva dwar it-trasparenza fil-pagi u dwar l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030.

Christa Schweng, President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u
Laurenţiu Plosceanu, President tas-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza (SOC).