Minkejja l-bidla fir-riskji okkupazzjonali li ġabet magħha d-diġitalizzazzjoni tax-xogħol – li waslet għal żieda qawwija fl-istress u f’kundizzjonijiet ikkawżati minn burnouts jew korrimenti ergonomiċi, u waslet ukoll għal tnaqqis żgħir fl-għadd ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol – id-djalogu soċjali jibqa’ strumentali fil-promozzjoni tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (OSH), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) qal fl-Opinjoni “Id-djalogu soċjali bħala għodda għall-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol”.

“Il-miżuri tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol mwettqa permezz tad-djalogu soċjali jikkontribwixxu b’mod pożittiv għas-saħħa tal-ħaddiema, iżda jistgħu jtejbu l-profittabbiltà tal-intrapriżi u jnaqqsu l-ispejjeż tal-kura u l-assenteiżmu. L-ispiża għas-soċjetà minħabba korrimenti u mard fuq il-post tax-xogħol hija stmata li tilħaq EUR 476 biljun jew 3.3% tal-PDG tal-UE,” qalet ir-relatur tal-Opinjoni, Franca Salis-Madinier.

Madankollu, il-kwalità tad-djalogu soċjali tvarja fi Stati Membri differenti, li jfisser li l-applikazzjoni ta’ ftehimiet awtonomi konklużi mal-imsieħba soċjali fil-qasam tal-OSH kultant ma tkunx indaqs madwar l-UE.

Skont il-KESE, id-djalogu soċjali Ewropew irid jissaħħaħ sabiex tiġi żgurata protezzjoni uniformi għall-ħaddiema kollha fl-UE.  
Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi kriterji ċar sabiex tiżgura li l-ftehimiet iffirmati mill-imsieħba soċjali jiġu implimentati fl-Istati Membri kollha, speċjalment fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, li qalet li l-Kummissjoni mhijiex obbligata li taġixxi skont it-talbiet tal-imsieħba soċjali biex timplimenta l-ftehimiet.

Madankollu, barra minn djalogu soċjali produttiv, l-istabbiliment tal-linji gwida ġenerali dwar l-OSH jeħtieġ qafas regolaturju b’saħħtu. Il-ftehimiet li jirriżultaw f’direttivi tal-Kunsill wara li ssir talba miż-żewġ partijiet firmatarji jidhru li huma aktar effettivi peress li jiżguraw pjani ta’ azzjoni speċifiċi fl-Istati Membri kollha.
Għal dan il-għan, il-KESE jappella għal linji gwida ġodda dwar it-telexogħol, pożizzjoni iżjed ambizzjuża fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kanċer u għal direttivi tal-UE dwar disturbi muskoloskeletali u riskji psikosoċjali, li qed isiru theddida ewlenija okkupazzjonali għall-ħaddiema Ewropej.

Il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE ressaq diversi emendi għall-Opinjoni, fejn esprima l-oppożizzjoni tiegħu, speċjalment fir-rigward ta’ sejħiet għal miżuri regolatorji ġodda, u pereżempju, l-azzjoni proposta tal-UE rigward disturbi muskoloskeletali u riskji psikosoċjali, kif ukoll l-abbozzar ta’ linji gwida ġodda dwar it-telexogħol.
L-Opinjoni, li kienet mitluba mill-presidenza Franċiża tal-UE, ġiet adottata fis-sessjoni plenarja tal-KESE f’Jannar, b’172 vot favur, 32 vot kontra u 70 astensjoni. (ll)