Action Plan to implement the European Pillar of Social Rights and the Social Summit in Porto

Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

F’webinar organizzat f’Jannar mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE, saret enfasi dwar il-ħtieġa li s-Summit Soċjali li jmiss f’Porto jwassal għal patt soċjali ġdid.

Aħna qed ngħixu fl-agħar kriżi tas-saħħa u ekonomika fl-istorja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, filwaqt li l-pandemija żiedet il-faqar, il-qgħad u l-inugwaljanza, dawn il-kwistjonijiet mhuma ġodda xejn.

Tard f’Jannar il-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE organizza webinar biex issir diskussjoni dwarhom ma’ Nicolas Schmit, Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċja, Ana Mendes Godinho, Ministru tal-Portugall għall-Impjiegi, is-Solidarjetà u s-Sigurtà Soċjali (li għal raġunijiet ta’ saħħa kienet sostitwita mis-Segretarju tal-Istat għax-Xogħol u t-Taħriġ Vokazzjonali, Miguel Cabrita), Iratxe García Pérez, President tal-Grupp S&D fil-Parlament Ewropew, u Oliver Röpke, President tal-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE.

Il-kelliema rrimarkaw li l-għodod biex joffru l-għajnuna fejn hi meħtieġa jeżistu, u li hemm bżonn li dawn isiru realtà. Dak li huwa meħtieġ, aktar milli l-miri, huma politiki effettivi biex il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jsir realtà tanġibbli għaċ-ċittadini. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali irid ikollu miżuri u inizjattivi leġiżlattivi għall-perjodu ta’ żmien, qasir, medju u twil, kif ukoll baġit suffiċjenti.

Intqal li s-summit ta’ Porto irid iġib bidla fid-direzzjoni, peress li huwa magħruf li mhu se jkun hemm ebda rkupru jew sostenibbiltà mingħajr sostenibbiltà soċjali. Biex dan iseħħ jinħtieġ li s-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jiġu involuti fil-proċess, trid tiġi offruta pjattaforma ġenwina għal-leħen u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiem, u jridu jittejbu n-negozjar kollettiv u l-ftehimiet kollettivi.

L-Aġenda ta’ Porto 2030 li tirriżulta mis-summit jinħtieġ li, minbarra l-COVID, tkopri u tindirizza kwistjonijiet strutturali marbutin mal-globalizzazzjoni, ir-ridistrubuzzjoni tal-ġid, il-protezzjoni tas-suq tax-xogħol, l-investiment soċjali, l-aġenda soċjali fil-Patt Ekoloġiku Ġdid u s-Semestru Ewropew, u t-tmiem tal-politiki ta’ awsterità, fost ħafna tħassib ieħor. Dan għandu jkun il-bidu ta’ patt soċjali ġdid, li jevita t-tentazzjoni li nerġgħu lura għall-istatus quo, u li jindika t-tip ta’ futur li xtaqna nibnu. Il-kelliema saħqu li rridu niżguraw li r-regoli eżistenti jiġu applikati u li dawk meħtieġa jkunu fis-seħħ, u li f’dan il-proċess ċ-ċittadini u l-Istati Membri jaħdmu flimkien b’solidarjetà, ugwaljanza u sostenibbiltà, biex nagħmlu investiment soċjali b’saħħtu fil-futur tagħna. (prp)