European Economic
and Social Committee
L-industrija marittima: Il-KESE jġedded it-twissija dwar ir-riskji għas-settur tat-teknoloġija
F’Opinjoni esploratorja reċenti, il-KESE qal li s-settur tat-teknoloġija marittima jeħtieġ b’mod urġenti politiki u investiment biex jaffronta l-kompetizzjoni internazzjonali. L-enfasi għandha titqiegħed fuq it-taħriġ tal-ħiliet, il-finanzi u l-aċċess għas-suq.
Jekk l-Ewropa tonqos milli timplimenta strateġija industrijali marittima speċifika, hemm ir-riskju li din issir dejjem aktar dipendenti fuq l-Asja għall-vapuri u t-tagħmir marittimu. Ħafna portijiet Ewropej diġà huma proprjetà, b’mod parzjali jew sħiħ, ta’ kumpaniji Ċiniżi. Strateġija sostenibbli għandha tivvaluta mill-ġdid din l-istruttura ta’ sjieda.
“Il-KESE jemmen li hija meħtieġa azzjoni immedjata biex tissaħħaħ ir-reżiljenza marittima tal-Ewropa, terġa’ tinkiseb il-kompetittività globali, tiġi protetta l-pożizzjoni b’saħħitha tal-Ewropa fil-bini kumpless tal-bastimenti u tiġi salvagwardjata l-awtonomija marittima strateġika tal-Ewropa,” qal Anastasis Yiapanis, relatur tal-Opinjoni tal-KESE.
Għandhom jiġu stabbiliti grupp ta’ esperti marittimi u alleanza industrijali Ewropea għas-settur tat-teknoloġija marittima biex jgħinu lis-settur jerġa’ jikseb il-kompetittività tiegħu.
Minkejja Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE adottata fl-2018, L-istrateġija LeaderSHIP 2020 bħala viżjoni għall-industrija tat-teknoloġija marittima, li appellat għal appoġġ aktar qawwi għas-settur marittimu, l-awtoritajiet tal-UE u dawk nazzjonali naqsu milli jipprovdu l-politiki meħtieġa.
Il-KESE esprima tħassib dwar l-ostakli li qed jiffaċċjaw il-kumpaniji Ewropej li jixtiequ jagħmlu negozju fl-Asja. Huwa appella lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel sforzi akbar biex tistabbilixxi regoli kummerċjali globali u qal li kien meħtieġ li taġixxi kontra s-sussidjar barrani u l-prezzijiet dannużi tal-bastimenti bħala kwistjoni ta’ prijorità.
Il-ftehimiet bilaterali eżistenti ta’ kummerċ ħieles għandhom jiġu aġġornati biex jiġi żgurat aċċess ħieles għas-suq għall-kumpaniji marittimi tal-UE u dan għandu jiġi inkluż fi ftehimiet futuri. Jekk in-negozjati internazzjonali biex jinkiseb dan ma jirnexxux, ikun meħtieġ li l-UE tqis azzjonijiet unilaterali biex jinħoloq vantaġġ fuq il-kompetituri internazzjonali tagħha.
Fl-Opinjoni tiegħu, il-KESE nnota wkoll ir-rwol importanti tal-industrija tat-teknoloġija marittima biex tinkiseb ekonomija blu sostenibbli.
“Il-KESE jappella għal miżuri urġenti li jistimulaw id-domanda domestika għal bastimenti ekoloġiċi u ta’ teknoloġija avvanzata, inklużi programm tal-UE għat-tiġdid tal-flotta u l-modifika retroattiva ta’ bastimenti eżistenti f’konformità mal-għanijiet”, qal il-korelatur Christophe Tytgat.
Il-KESE qal li l-imsieħba soċjali u l-manifatturi lokali kienu stennew għalxejn għall-istimolu biex is-settur jiġi mħeġġeġ jaqleb għal bastimenti “ekoloġiċi”, fjuwils alternattivi u teknoloġiji biex jikkonforma mal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. Madankollu, huwa laqa’ l-adozzjoni tas-sħubija tat-Trasport fuq l-Ilma b’Emissjonijiet Żero, li qed taħdem lejn trasport marittimu b’emissjonijiet żero.
Il-KESE appella għal appoġġ finanzjarju aktar qawwi għall-Patt tal-UE għall-Ħiliet u għal kampanji biex is-settur isir aktar attraenti għall-ħaddiema kollha, minn inġiniera sa welders u elettriċisti. Il-KESE qal li hemm bżonn ta’ taħriġ mill-ġdid, titjib tal-ħiliet u programmi VET fuq skala kbira biex jiġi żgurat li s-settur ikun jista’ jimplimenta t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. (ks)