Il-mistiedna sorpriża, Danuta Hübner taqsam il-fehma tagħha dwar il-Brexit mal-qarrejja tagħna

Referendum konsultattiv li fih iċ-ċittadini tar-Renju Unit ġew mistoqsija jekk pajjiżhom għandux joħroġ mill-Unjoni Ewropea sar fit-23 ta’ Ġunju 2016. B’maġġoranza żgħira ħafna, il-poplu Brittaniku appoġġja l-idea li joħroġ mill-UE. Ir-riżultat kien differenti madwar il-pajjiż: fl-Iskozja, fl-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll f’Londra, ir-rieda tan-nies kienet li r-Renju Unit jibqa’ fl-UE. Madankollu, ir-referendum kien segwit mill-impenn tal-gvern tal-Renju Unit li l-Brexit iseħħ. Fl-1 ta’ Frar 2020, daħal fis-seħħ il-Ftehim dwar il-ħruġ, li ppermetta perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 11-il xahar. Il-ftehim ta ċertezza legali lil dawk kollha affettwati mill-Brexit. Sussegwentement, mill-1 ta’ Jannar 2021, daħal fis-seħħ il-ftehim dwar ir-relazzjoni futura, u għaldaqstant, ir-Renju Unit sar uffiċjalment pajjiż terz. 

Il-ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni huwa bla preċedent f’ħafna aspetti. L-aktar karatteristika importanti tiegħu hija li l-ftehim naqqas b’mod sinifikanti r-relazzjonijiet bejn ir-Renju Unit u l-UE, li kienu bnew flimkien għal aktar minn 45 sena. 

Ekonomija kbira telqet b’mod volontarju minn żona ta’ kummerċ preferenzjali, is-suq uniku mingħajr fruntieri ta’ 450 miljun persuna u l-akbar u l-aktar setgħa regolatorja influwenti fid-dinja. 

Ir-Renju Unit għamel dan fi żmien meta d-dinja se tissawwar b’mod pjuttost ċar minn tliet potenzi globali ewlenin – l-Istati Uniti, l-UE u ċ-Ċina, fi żmien meta pandemija globali teħtieġ solidarjetà u kooperazzjoni. Il-ħruġ mill-UE kien immexxi minn rieda politika li jittieħed lura l-kontroll u minn fehim pjuttost tradizzjonali tat-terminu “sovranità”.

Il-proċess ta’ negozjati għal dan il-ftehim kien diffiċli u ta’ uġiegħ, mimli inċertezza, li żammna f’xenarju ta’ ebda ftehim sal-aħħar minuta tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea rnexxielha żżomm in-negozjati ħajjin biżżejjed biex jintlaħaq il-mument meta l-ftehim sar fattibbli. Fortunatament, il-gvern Brittaniku ma użax l-argument tas-sovranità bħala skuża għal kalamità ta’ ebda ftehim. 

Li ma jkun hemm ebda ftehim qatt ma kien għażla għall-UE. Konna konxji wkoll li anke ftehim dgħajjef ħafna kien aħjar minn xenarju ta’ ebda ftehim. Fi kwalunkwe każ, bi ftehim jew mingħajr ftehim, se jkun hemm distorsjonijiet u spejjeż li għandhom jitħallsu mill-pubbliku ġenerali u mill-komunità tan-negozju fuq iż-żewġ naħat tal-Kanal. 

Ġaladarba r-Renju Unit sar pajjiż terz, lanqas l-aktar miżuri effettivi ta’ tħejjija ma jistgħu jipproteġuna bis-sħiħ kontra l-konsegwenzi tal-Brexit. L-aħbar it-tajba hija li l-miżuri kollha previsti fil-Ftehim dwar il-ħruġ fir-rigward tal-fruntiera Irlandiża u d-drittijiet taċ-ċittadini ġew implimentati u saru operattivi fil-ħin. 

Ta’ min isemmi li l-Parlament Ewropew wera flessibbiltà kbira fir-rigward tad-dritt demokratiku tiegħu li jiskrutinja l-ftehim futur, u qabel li jipproċedi bil-kunsens tiegħu fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għall-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim. 

Il-Parlament iddeċieda li jħallas dan il-prezz għaliex aħna nemmnu li l-kisba ta’ ftehim dwar is-sħubija futura se tippermettilna nżommu l-konverżazzjoni man-naħa l-oħra tal-Kanal miftuħa fit-tul. Għaldaqstant, dan huwa prezz ġustifikat. 

Ħadd ma jaf x’jista’ jkun ir-riżultat ta’ referendum kieku kellu jsir illum, meta l-pubbliku Brittaniku inġenerali huwa ħafna aktar informat milli kien fl-2016 dwar il-konsegwenzi li ma jibqgħux ċittadini tal-Unjoni Ewropea u meta d-dinja madwar ir-Renju Unit inbidlet b’mod daqshekk drammatiku. L-ispirtu tal-Brexit għadu validu fir-Renju Unit? Qatt m’aħna se nkunu nafu. Però nawgura l-isbaħ xewqat lill-ħbieb Brittaniċi tagħna. 

Il-ħajja reali se tittestja l-istat ta’ tħejjija ta’ kulħadd għas-sitwazzjoni l-ġdida. Hija se tittestja l-ftehim milħuq. Hija se jittestja l-valur tas-sovranità Brittanika. 

Iż-żewġ naħat jemmnu li għandna ftehim tajjeb. Madankollu, se jkun hemm spejjeż relatati mad-distorsjonijiet inevitabbli. Il-konsumaturi u n-negozji se jħallsu l-ispejjeż talli r-Renju Unit ma baqax parti mis-suq uniku jew mill-unjoni doganali. Studenti mill-UE li jixtiequ jistudjaw fir-Renju Unit mhux se jibqa’ jkollhom l-istatus ta’ studenti nazzjonali. Il-Gvern Brittaniku ma kienx interessat li r-Renju Unit jipparteċipa fil-programm ta’ skambju Erasmus. 

Il-moviment liberu tal-persuni, tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-kapital bejn l-UE u r-Renju Unit intemm. Se jkun hemm ostakli għall-mobbiltà u l-kummerċ. 

Il-Belt ta’ Londra se tibqa’ ċentru finanzjarju globali importanti u nittama li se nkunu nistgħu niżviluppaw approċċ kooperattiv. 

Il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira ġie ssalvagwardjat. L-UE rnexxielha tiddefendi l-integrità tas-suq intern tagħha ta’ 450 miljun parteċipant. Hija żammet ukoll l-għaqda tagħha mill-ewwel jum, billi pproteġiet l-valuri u l-prinċipji ewlenin tagħha. 

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea fi tmiem in-negozjati stqarret li hija ħasset sodisfazzjon u serħan. Huwa minnu li l-Brexit ikkonsma ħafna mill-ħin u l-enerġija tagħna. Fl-aħħar il-ftehim intlaħaq. Ir-Renju Unit se jkompli l-vjaġġ tiegħu waħdu. L-Unjoni Ewropea issa trid tiffoka fuq il-futur tagħha u l-missjoni globali tagħha. 

Il-ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri tagħna huwa wieħed kumpless. Hemm ħafna riskji u sfidi għall-implimentazzjoni u l-infurzar tiegħu. Quddiemna hemm bosta żminijiet diffiċli. Għalkemm huwa ftehim bla preċedent, għad hemm kwistjonijiet li għadhom mhux mitmuma. It-taħditiet se jkomplu u d-djalogu regolatorju se jkun fundamentali. Għall-ħbieb Brittaniċi tagħna, għad irid ikun hemm fehim sħiħ ta’ xi jfisser li tkun pajjiż terz. Il-ħaġa t-tajba hija li peress li għandna ftehim dan se jgħinna biex inkomplu d-djalogu. 

Professur Danuta Hübner,

Membru tal-Parlament Ewropew