European Economic
and Social Committee
Osservatorju tal-Infurzar tar-Regoli tas-Suq Uniku
L-Osservatorju tal-Infurzar tar-Regoli tas-Suq Uniku (SMEO) tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ġie stabbilit fl-2025 b’rispons għall-importanza dejjem tikber tal-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tar-regoli tas-suq uniku fl-Unjoni Ewropea kollha.
Il-ħolqien tal-Osservatorju jirrifletti r-rilevanza tal-infurzar fis-suq uniku għan-negozji, il-ħaddiema, il-konsumaturi u ċ-ċittadini b’mod ġenerali, u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE tagħti benefiċċji tanġibbli fil-prattika. L-għan tal-Osservatorju huwa li jallinja mal-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea f’dan il-qasam, jappoġġjaha u jikkontribwixxi għaliha, b’mod partikolari fil-kuntest tat-Taskforce għall-Infurzar fis-Suq Uniku (SMET), u fl-istess ħin iwassal il-perspettiva tas-soċjetà ċivili organizzata fid-dibattitu ta’ orjentazzjoni.
L-Osservatorju għandu l-għan ukoll li jsaħħaħ il-fiduċja fis-suq uniku u jtejjeb il-funzjonament tiegħu billi jimmonitorja l-isfidi tal-infurzar, jidentifika l-ostakli u l-prattiki tajba, u jrawwem id-djalogu fost il-partijiet ikkonċernati.
Huwa u jwettaq l-attivitajiet tiegħu, l-Osservatorju jqis l-isfidi u l-prijoritajiet ewlenin identifikati fl-aħħar Strateġija għas-Suq Uniku, inklużi kwistjonijiet relatati mad-diskrepanzi fil-konformità, il-frammentazzjoni, il-piżijiet amministrattivi u l-applikazzjoni prattika tar-regoli tal-UE fl-Istati Membri.
L-għan huwa li jfassal rakkomandazzjonijiet biex jappoġġja konformità akbar, applikazzjoni aktar konsistenti tar-regoli tal-UE u kundizzjonijiet ekwivalenti fl-Istati Membri kollha.