European Economic
and Social Committee
Breadcrumb
- Home
- Current: Hélène Theunissen: “L-artist li ma jistax jikkrea jħossu vojt u bla skop”
Hélène Theunissen: “L-artist li ma jistax jikkrea jħossu vojt u bla skop”
Hélène Theunissen: “L-artist li ma jistax jikkrea jħossu vojt u bla skop”
L-artisti jagħmlu parti mill-ħsara kollaterali ta’ din il-pandemija. It-teatri huma magħluqa, minkejja xi ftuħ temporanju qasir ’l hemm u ’l hawn. Ħafna atturi, diretturi, mużiċisti, żeffiena jew tekniċi fil-qasam tal-ispettaklu qed isibu ruħhom mingħajr xogħol f’dawn iċ-ċirkostanzi mhux mistennija. Il-konsegwenzi prinċipali huma l-biża’ tal-futur u frustrazzjoni kbira.
L-artist li ma jistax jikkrea jħossu vojt u bla skop.
Għall-kuntrarju ta’ dawk li jaħsbu li nistgħu nisfruttaw dan iż-żmien biex naqraw, niktbu, inkomplu bil-proġetti tagħna jew nibdew oħrajn ġodda, wieħed għandu jifhem li l-ispirazzjoni ma tiġix kif ġieb u laħaq. Fi klima ta’ nuqqas ta’ sigurtà u ansjetà, l-artist għandu inqas ispirazzjoni. Dan iż-żmien “obbligatorju”, li huwa impost fuqna, mhuwiex faċilment traduċibbli f’xi ħaġa pożittiva, għaliex huwa żmien ta’ sospensjoni u ma ġiex definit skont dak li xtaqna. L-artisti huma mkissra ħafna minħabba din is-sitwazzjoni. U aktar ma ddum, jkun diffiċli, aktar qed jitkissru. Din hija t-tielet darba, f’sena, li t-teatri ngħalqu u li l-ispettakli kellhom jitħassru.
Hemm ukoll il-konsegwenzi finanzjarji. Huwa minnu li arranġamenti għal xogħol b’ħinijiet iqsar jgħinu, iżda dawn huma miżuri amministrattivi twal ħafna u kkumplikati li jiġu implimentati. Il-flus idumu biex jaslu fil-kont tal-bank u x-xogħol b’ħinijiet iqsar ikopri biss parti mis-salarju. Ħafna artisti għalhekk qed isibu ruħhom f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja.
Rigward il-programazzjoni mill-ġdid tal-ispettakli, id-diretturi teatrali huma mgħobbija żżejjed u jridu jagħżlu li jipposponu l-ispettakli li ġew sagrifikati minħabba l-kriżi tas-saħħa fl-istaġuni li ġejjin. Proġetti ġodda se jkunu l-aħħar proġetti li jiġu kkunsidrati. Hemm konġestjoni vera u proprja fit-teatri, fl-opera, fiċ-ċinema u fil-postijiet tal-ispettaklu. Il-perspettivi huma inċerti u din is-sitwazzjoni hija stressanti.
Huwa pjuttost impossibbli li wieħed jibqa’ organizzat f’din il-klima ta’ inċertezza.
Meta tisma’ fil-mezzi tax-xandir li aħna nagħmlu parti minn dawk li mhumiex essenzjali għas-soċjetà tħossok insultat ħafna iżda barra minn hekk, għal dawk li jaħdmu fid-dinja tal-kultura hija stqarrija li ġġagħlhom jaħsbu. Investejt ħajti kollha f’xogħli: li tisma’ li dan ix-xogħol kollu huwa meqjus mill-Istat bħala “mhux essenzjali” iweġġa’ u jiskoraġixxi. L-artisti għalhekk jinsabu f’qagħda finanzjarja u emozzjonali ħażina ħafna.
Nerġgħu nsiru essenzjali
Hemm affarijiet pożittivi wkoll. Ħafna solidarjetà bejn l-artisti. Imbagħad, xi artisti użaw teknoloġiji ġodda permezz ta’ forom ġodda ta’ espressjoni. Kellhom jiġu vvintati modi ġodda kif wieħed jeżisti. Iżda qatt m’huma se jissostitwixxu l-preżenza reali ta’ artist fuq il-palk. Li hemm brillanti fi spettaklu ħaj fuq il-palk huwa l-komunjoni unika u eċċezzjonali mal-pubbliku wiċċ imb wiċċ. Il-preżenza fiżika tal-artist u tal-pubbliku hija indispensabbli sabiex jinħoloq dak il-mument ta’ grazzja artistika.
Il-poplu qed jibda jħoss in-nuqqas tal-kultura, u dan huwa punt pożittiv. Meta l-postijiet kulturali jkunu se jerġgħu jinfetħu, naħseb li l-pubbliku se jiġi mmobilizzat b’mod differenti mis-soltu, għaliex ikun irrealizza kemm hija vitali l-kultura. U li l-artisti huma essenzjali għal-libertà u l-iżvilupp kollettiv. Għalhekk, in-nies, nisperaw, se jkunu jridu jattendu spettakli iktar minn qabel.
B’din il-kriżi, fl-oqsma tagħna s-sitwazzjoni kkumplikat ruħha għall-etajiet kollha. L-aktar drammatika hija għaż-żgħażagħ. Bħalissa, fil-Konservatorju, naħdem mal-istudenti tiegħi, atturi apprendisti, mingħajr ma nara wiċċhom. Jinsabu f’sofferenza kbira u frustrazzjoni. Għal dawk li għadhom kemm iggradwaw, xejn ma jista’ jiġi offrut lilhom fil-preżent. M’għadx għandhom aċċess għal networks professjonali. Jeħtieġu ħafna appoġġ wara din il-kriżi.
Iżda l-ġenerazzjonijiet kollha ta’ artisti ġew milquta minn din il-waqfa. Iktar ma jkollok esperjenza, iktar tixtieq tkun fuq il-palk. L-iktar anzjani qed jibżgħu li qatt ma jerġgħu jirċievu proposti għal spettakli. Li dan il-perjodu jfisser it-tmiem tal-karriera tagħhom.
Niġġieldu skont l-enerġiji personali tagħna. Hemm dawk li tkissru għal kollox u m'għadx għandhom ispirazzjoni. Hemm oħrajn li rduppjaw l-enerġija u qed jippruvaw jagħmlu l-affarijiet akkost ta’ kollox. Permezz tal-midja soċjali u t-teknoloġiji l-ġodda, pereżempju. Umbagħad hemm dawk, bħali, li ġurnata jkollhom l-enerġija u l-għada xejn affattu.
Hélène Theunissen