Janusz Pietkiewicz: Is-servizzi ta’ interess ġenerali u l-pandemija

Hekk kif Frar ġie fi tmiemu u dħalna f’Marzu, filwaqt li kienu qed isiru studji u dibattiti, ħadna sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet ferrieħa ta’ Martenitsa tal-ħbieb Bulgari tagħna, proprju kif nagħmlu ta’ kull sena għal dil-ħabta. Ilbisna brazzuletti rqaq magħmula minn spag aħmar u abjad immaljat u ngħataw pupi taċ-ċarruta bħala simbolu ta’ xorti tajba. L-ottimiżmu tar-rebbiegħa li ġejja kien tanġibbli. Awgurajna suċċess lil xulxin għall-aħħar parti tal-mandat ta’ ħames snin fil-KESE.

Istintivament, bqajna ’l bogħod mit-theddida għall-ħajja ordnata tagħna fil-qalba tal-UE rrappreżentata mill-virus li kien qed jinfirex fl-Asja. Huwa minnu li diġà kienu qed jaslulna sinjali u twissijiet serji min-Nofsinhar tal-Ewropa, iżda kellna nipproteġu l-proċeduri tal-istituzzjonijiet Ewropej mill-pandemija. U barra minn hekk, kif iċċajtaw il-kollegi tagħna ta’ lil hinn mid-Danubju, qatra mediċina mill-ispiżerija tad-dar – i.e. Martenitsa rakia – żgur ma setgħetx tagħmel ħsara. Tabilħaqq, it-talbiet għad-diżinfettant fil-kmamar tal-laqgħat ġew injorati, iżda ġejna assigurati li r-riskju kien qed jiġi segwit bir-reqqa, u għalhekk il-biżgħat tagħna dwar il-virus ittaffew.

Sa nhar l-Erbgħa 11 ta’ Marzu kont għadni qed niddiskuti r-rakkomnadazzjonijiet dwar il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli fil-grupp ta’ studju ECO/505. Fis-sezzjonijiet, fassalna pjani ta’ azzjoni u bbukkjajna l-vjaġġi li jmiss tagħna, u mbagħad f’daqqa waħda, ġimgħa wara, il-ħajja waqfet ħesrem. Lockdown! Metaforikament nista’ nikkumpara din is-sitwazzjoni ma’ ferrovija li tieqaf ħesrem, bl-isparks itiru minn taħt ir-roti.

Ħadd ma stenna l-miżuri ta’ konteniment li kienu qed isiru aktar stretti ġurnata wara oħra. Laqtu s-sisien ta’ ħajjitna. Kien tsunami psikoloġiku, partikolari, dieqa li taħkem ir-ruħ, kif kieku kien jgħid il-poeta Ildefons Gałczyński. Konna sorpriżi bil-ħtieġa li wieħed jibqa’ d-dar u l-biża’ ta’ kuljum. Staqsejna dwar kif wieħed jista’ jikseb għajnuna u prodotti essenzjali, kellna bżonn naħsbu mill-ġdid dwar id-drawwiet tagħna.

Qatt ma għaddieli minn moħħi li kelli nistenna sa Ġunju biex nirritorna Brussell, u nivvjaġġa bil-karozza tul awtostradi vojta għaliex it-titjiriet kienu għadhom ma bdewx jaħdmu. Niftakarni nistampa l-“permess” biex nivvjaġġa li rċevejt b’email mis-Segretarju Ġenerali - il-laissez-passer COVID-19, li nħareġ fid-29 ta’ Mejju 2020 f’erba’ lingwi u mżejjen b’timbru tond imponenti. Dan kellu jiggarantixxi li ma ninżamx fi kwarantina.

Biex inkun ċert, ikkonfermajt dan kollu billi ċempilt lill-uffiċċji tal-Awtorità tas-Saħħa Ġermaniża (Gesundheitsamt) tar-reġjuni li kelli nivvjaġġa minnhom. Fit-8 ta’ Ġunju, fi Brussell ħadt sehem fl-ewwel laqgħa ibrida tal-grupp ta’ studju ECO/510 u mbagħad fis-sessjoni plenarja tal-10 u l-11 ta’ Ġunju.

Il-midja pubblika u soċjali kienet mifqugħa b’kummenti u suspetti dwar il-ħallieqa reali mistħajla tal-virus. Ħasra li, għall-inqas għalissa, dawn ma wasslux għal kapulavur kontemporanju fil-vina ta’ Decameron ta’ Giovanni Boccaccio tas-Seklu 14 jew Il-Pesta, ir-rumanz ta’ Albert Camus tal-1947, li verament juru n-nuqqasijiet tan-natura umana u l-ġlieda tal-umanità kontra l-mard.

Fid-dawl tal-esperjenza tal-lockdown madwar id-dinja u t-twissijiet ta’ attakk ieħor tas-SARS-CoV-2, did-darba flimkien mal-influwenza staġjonali li biha kull sena jmutu ħafna nies f’ħafna pajjiżi – saħansitra aktar mill-COVID-19 attwalment, irriflettejt dwar it-tifsira ta’ “servizzi ta’ interess ġenerali”, li ġew traskurati għal bosta deċennji.

Il-pandemija tal-COVID-19 fl-aħħar ħarġet fid-dieher il-funzjoni importanti immens u ta’ stabilizzazzjoni tal-provvedituri lokali, reġjonali u Ewropej ta’ dawn is-servizzi. Il-qasam soċjali fl-aħħar beda jemmen li għandhom rwol essenzjali, li huwa s-sinsla tal-mudell soċjali Ewropew u potenzjalment ta’ rkupru pożittiv tal-ekonomija fil-qafas tal-istrumenti Next Generation EU u l-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Is-servizzi tal-enerġija u l-ilma, it-trattament tal-iskart u t-trasport pubbliku fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika żguraw il-kontinwità tal-kurrenti tal-ħajja fil-komunitajiet tagħna u provdew sigurtà. Wara kollox, mingħajr investimenti preċedenti f’dawn is-setturi, ma kienx ikun possibbli li nwettqu azzjonijiet li nagħmlu ta’ kuljum, bħal li ninħaslu filgħodu f’darna, li nagħmlu belgħa kafè, jew li nidħlu għax-xogħol jew naslu l-isptar fil-ħin. Dan japplika wkoll għal kwistjonijiet ta’ kura tas-saħħa, kura għal persuni b’diżabbiltà u persuni anzjani. Dawn ma jistgħux jiffunzjonaw mingħajr proċeduri għall-ġestjoni tal-kriżijiet, jew jekk ma jkunx hemm fehim politiku dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali u appoġġ pubbliku għalihom.

Bl-istess mod, irridu nħarsu lejn il-qasam importanti immens tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-kunċett ġenerali tal-kultura, u huwa biss wara li nagħmlu dan li nkunu nistgħu nilmentaw dwar dak li esperjenzajna matul il-kriżi.