Il-KESE ser jippremja sa 29 inizjattiva ta' solidarjetà li ttieħdu fl-UE u fir-Renju Unit biex jindirizzaw il-COVID-19 u jimmitigaw l-effetti devastanti tiegħu.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) qed iniedi Premju għas-Solidarjetà Ċivili, premju ta' darba bit-tema speċifika dwar “Is-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-COVID-19”, li din is-sena se jissostitwixxi l-Premju għas-Soċjetà Ċivili ewlieni li jagħti kull sena.
Il-premju għas-Solidarjetà Ċivili se jonora inizjattivi kreattivi u effettivi minn individwi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u kumpaniji privati li taw kontribut eċċellenti biex jindirizzaw l-emerġenza tas-COVID-19 u l-konsegwenzi multipli u gravi, u b'hekk isaħħu s-solidarjetà Ewropea u jgħinu biex tinħoloq identità Ewropea bbażata fuq valuri komuni tal-UE.
Permezz tal-premju, il-KESE għandu l-għan li jżid il-viżibbiltà ta' dawn l-inizjattivi, iżid is-sensibilizzazzjoni dwar l-impatt tagħhom, u b'hekk jonora lil dawk il-persuni kollha li ġġieldu kontra l-coronavirus, u wrew kuraġġ, impenn, solidarjetà u sens ta' responsabbiltà tal-għaġeb.
Biex ikunu eliġibbli, l-applikanti jridu jkunu residenti jew stabbiliti fl-UE. Ir-residenti, kumpaniji stabbiliti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mir-Renju Unit huma wkoll eliġibbli biex japplikaw. Minkejja l-fatt li l-maġġoranza tal-popolazzjoni Brittanika vvotat għall-Brexit u li l-pajjiż issa ħiereġ mill-UE, il-KESE jixtieq juri li mhux beħsiebu jikser ir-rabtiet mas-soċjetà ċivili f'dan l-eks-Stat Membru u li, għall-kuntrarju, jixtieq iżomm relazzjonijiet mill-qrib.
Il-KESE ser iqassam 29 premju, b'ammont ta' EUR 10 000 kull wieħed, għal inizjattivi mwettqa fit-territorju tal-UE jew tar-Renju Unit. Hemm 27 premju disponibbli għal proġetti implimentati fl-Istati Membri, premju ieħor għal applikazzjoni mir-Renju Unit u ieħor għal proġett b'fokus transfruntier jew Ewropew.
L-entrati kollha, inklużi dawk sottomessi minn kumpaniji li jagħmlu profitt, għandhom ikunu strettament mingħajr skop ta' qligħ u ma jistgħux jirċievu aktar minn 50 % ta' finanzjament pubbliku.
L-inizjattivi għandhom ikunu marbutin direttament mal-COVID-19, immirati b'mod speċifiku lejn il-ġlieda kontra l-virus jew l-indirizzar tal-konsegwenzi. Dawn l-inizjattivi jridu jkunu diġà ġew implimentati jew għadhom għaddejjin. Proġetti li ġew stabbiliti qabel it-tifqigħa tal-pandemija u ġew adattati biex jirrispondu malajr għall-isfidi l-ġodda huma wkoll eliġibbli.
Id-data tal-għeluq biex jitressqu l-applikazzjonijiet hija 12 p.m. tat-30 ta' Settembru 2020. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premji se ssir matul is-sessjoni plenarja tal-KESE f'Jannar 2021, fi Brussell.
AKTAR DWAR IT-TEMA TAL-PREMJU TAL-KESE GĦAS-SOLIDARJETÀ ĊIVILI
Il-KESE – il-korp tal-UE li jagħti leħen lill-NGOs, lit-trade unions u lill-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem fil-livell tal-UE – enfasizza ripetutament li s-solidarjetà Ewropea u l-azzjoni kkoordinata Ewropea huma essenzjali biex tissolva pandemija ta' proporzjonijiet mingħajr preċedent bħalma hi dik tal-COVID-19 u biex tingħeleb il-kriżi ekonomika u soċjali li mistennija taħkem l-Ewropa fuq skala li qatt ma dehret bħalha mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn.
Fl-istess ħin, il-KESE kien qed jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħidma imprezzabbli mwettqa mis-soċjetà ċivili u minn ħafna individwi fl-Ewropa matul il-kriżi. Ħafna minnhom, permezz ta' diversi azzjonijiet, urew solidarjetà bħal qatt qabel ma' dawk l-aktar milqutin mill-kriżi. Oħrajn għamlu sforz kbir immens biex jikkomplementaw il-miżuri introdotti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Xi wħud ħadu sehem fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-emerġenzi u d-diżastri, u taw prova li kienu kruċjali fil-ġlieda kontra l-pandemija u biex jittaffew l-effetti tagħha.
L-inizjattivi proposti għall-premju jistgħu jkopru firxa wiesgħa ta' temi, bħalma huma:
- azzjonijiet marbutin mas-saħħa, it-tagħmir tas-saħħa, l-apparat mediku, l-assistenza u l-kura;
- inizjattivi temporanji li għandhom l-għan li jimmitigaw l-effetti immedjati tal-kriżi tal-coronavirus u li jissodisfaw il-ħtiġijiet urġenti tal-gruppi destinatarji;
- miżuri speċifiċi li jgħinu lill-persuni jew gruppi l-aktar fil-bżonn, żvantaġġati jew vulnerabbli (inklużi r-refuġjati), jipproteġuhom mill-marda nnifisha u jtaffu l-impatt tal-kriżi;
- inizjattivi marbutin mas-sitwazzjoni ta' gruppi destinatarji speċifiċi waqt il-lockdown;
- inizjattivi li għandhom l-għan li jindirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżi tas-saħħa għall-ekonomija u għall-impjiegi;
- inizjattivi li jappoġġjaw l-irkupru tal-ekonomija Ewropea jew ta' setturi speċifiċi wara l-effetti tal-pandemija;
- inizjattivi li għandhom l-għan li jżidu l-kapaċità ta' reazzjoni f'każ ta' kriżi paragunabbli fil-futur.
Il-lista mhix eżawrjenti.
Id-deskrizzjoni sħiħa ta' rekwiżiti u l-formola tal-applikazzjoni online huma disponibbli fuq is-sit web tagħna: www.eesc.europa.eu/civilsolidarityprize
Fl-2020, il-Premju għas-Solidarjetà Ċivili qed jingħata minflok il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili, li kull sena jonora lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u/jew lil individwi li l-inizjattivi u l-proġetti tagħhom taw kontribut sinifikanti għall-promozzjoni tal-valuri komuni li jsaħħu l-koeżjoni u l-integrazzjoni Ewropea. Għall-kuntrarju tal-Premju għas-Solidarjetà Ċivili, dan ma jippremjax proġetti minn kumpaniji privati.
Fl-2019, il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili sar għall-ħdax-il darba u kien iddedikat għall-emanċipazzjoni tan-nisa u għall-ġlieda favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Aħna ġentilment nistiednuk tħeġġeġ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, individwi u kumpaniji privati f'pajjiżek biex japplikaw għall-Premju tal-KESE għas-Solidarjetà Ċivili u b'hekk jgħinu biex jingħata rikonoxximent għal proġetti siewja.