Għal kważi 500 atleta Ukrena maqtula fil-gwerra li r-Russja qed twettaq kontra pajjiżhom, il-ħolma li jieħdu sehem fl-Olimpjadi, jew kwalunkwe kompetizzjoni sportiva futura, inqerdet għal dejjem. Biex iżżomm il-memorja tagħhom ħajja, l-NGO Ukrena BRAND UKRAINE qed tirrakkonta storja traġika ta’ sitt atleti deċeduti biex, għal mument qasir biss, tqajjimhom mill-mewt permezz tal-intelliġenza artifiċjali. Tkellimna ma’ Tim Makarov, Kap tat-Tim Digital & Content ta’ BRAND UKRAINE, li qalilna li l-idea aħħarija tal-proġett, li ġie ppreżentat fil-Logħob ta’ Pariġi, kienet li n-nies jieqfu u jaħsbu dwar il-valur tal-ħajja tal-bniedem.

Kif feġġet l-idea għall-proġett?

Din l-idea nibtet fl-aġenzija BBDO ta’ Berlin. Ġie propost kunċett qafas, idea, biex tintwera l-istorja traġika tal-atleti Ukreni li ma setgħux jipparteċipaw fl-Olimpjadi. L-aġenzija ġiet għandna bil-kunċett, u aħna żviluppajna l-idea u estendejna ċ-ċirku ta’ msieħba, billi laqqajna l-Ministeru Ukren taż-Żgħażagħ u l-Isport u dak tal-Affarijiet Barranin u l-Uffiċċju tal-President tal-Ukrajna. Ħdimna flimkien fuq it-tfassil finali tal-proġett, mentri l-parti teknika baqgħet f’idejn il-BBDO. Bnejna strateġija ta’ komunikazzjoni, u pprovdejna distribuzzjoni tal-kontenut u appoġġ legali. Il-proġett ġie ppreżentat f’Volia House, is-sit uffiċjali tal-Ukrajna fl-Olimpjadi ta’ Pariġi, bis-saħħa wkoll tal-parteċipazzjoni ta’ ċerti influwenzaturi.

Kemm kien diffiċli li jinġabru stejjer u li jsir il-filmat? Liema tekniki ntużaw biex “tingħata ħajja mill-ġdid” lill-protagonisti?

L-idea nnifisha hija sempliċi u ċara ħafna – li nirrakkontaw l-istejjer tal-atleti Ukreni li mietu traġikament u noħolqu l-avatars diġitali tagħhom. Għamilna biċċa xogħol inkredibbli. Użajna reġistrazzjonijiet tal-vuċi li ġew iddiġitalizzati, użajna ritratti tal-arkivji u materjali tal-vidjow, u pproċessajna dan kollu bl-għajnuna tal-IA. L-għan tagħna kien li noħolqu kopja diġitali tal-persuna li tkun umana ħafna, ritratt misterjuż li jkun kemm reali kif ukoll irreali. Din kienet l-intenzjoni. L-istejjer tagħhom huma b’saħħithom ħafna, u msaħħa bit-teknoloġija tal-IA, ma jħallu lil ħadd indifferenti. Se nkun onest – dan il-proġett huwa “fix-xifer” ħafna. Meta ddiskutejnieh, bżajna li mhux se jinftiehem, li minħabba s-sens ta’ skumdità li jqanqlu l-filmati, in-nies ma jarawx ir-realtà ġenwina, il-vulnerabbiltà, l-uġigħ u d-disprament li esprimejna fil-kliem tal-atleti mejtin. Il-proġett jippreżenta idea sempliċi ħafna – persuni li sinċerament iħobbu lil pajjiżhom, li jixtiequ jgħixu u jiksbu riżultati, isiru vittmi taċ-ċirkostanzi meta l-ħolm, il-pjani u ħajjiethom jintemmu ħabta u sabta. Iżda għandhom jiġu mfakkra. Kull att għandu prezzu u sikwit jitkejjel f’termini ta’ ħajjiet u destini tal-bniedem.

Żgur li kienet diffiċli ħafna għall-familji tal-atleti li nqatlu biex jieħdu sehem fil-proġett u jaraw il-filmati. X’feedback irċevejt mingħandhom fl-aħħar?

Naturalment, proġett bħal dan seta’ jsir biss bil-kunsens tal-eqreb qraba. Dan huwa punt estremament importanti: urejniehom u spjegajnielhom x’konna se nagħmlu. Kien hemm diversi tużżani ta’ stejjer fil-lista twila – iżda fl-aħħar, qbilna fuq sitta biss. Dan kollu involva ġimgħat ta’ negozjati kkumplikati. Iżda meta urejna r-riżultat finali, il-ġenituri ma setgħux iżommu lura d-dmugħ. Qalulna: “Grazzi. Qed tagħmlu biċċa xogħol straordinarja li se żżomm ħajja l-memorja ta’ uliedna.” Sa fejn naf jien, ħadd ma ddispjaċih li ħa sehem. Iffirmajna d-dokumenti legali kollha meħtieġa, u huwa biss wara dan li l-proġett ingħata l-approvazzjoni. Kollox kien lest għal-Logħob Olimpiku, u morna Pariġi għal ġimagħtejn biex nuru u nirrakkontaw sitt stejjer straordinarji. Tali livell ta’ suċċess ma kienx mistenni – ir-reazzjoni għall-proġett qabżet l-aspettattivi kollha tagħna. U dan mhuwiex sorprendenti, peress li fid-dinja moderna tal-komunikazzjoni globali stejjer veri jipprovokaw emozzjonijiet kumplessi u kontradittorji.

X’inhu l-messaġġ ewlieni tal-proġett – x’tittama li jiftakru t-telespettaturi wara li jaraw il-filmati?

BRAND UKRAINE hija impenjata biex ixxerred il-verità dwar l-Ukrajna u r-realtajiet tagħha fil-kuntest tal-aggressjoni Russa. Għal dan l-għan nużaw stejjer umani. Ninsab ċert li dawn iwasslu bl-aħjar mod l-uġigħ, il-kburija, l-entużjażmu, ir-rebħiet u t-telfiet tagħna, dak li jagħmilna bnedmin, nazzjon b’saħħtu u kuraġġuż. Din hija l-missjoni tagħna – mhux biss li nitkellmu dwar l-Ukrajna, iżda wkoll li nagħmluha lovemark (kunċett li jevoka konnessjoni emottiva profonda) għad-dinja kollha. Din hija l-linja li qed naħdmu fuqha issa u se jkun hemm aktar proġetti kbar bħal dan li jmissu l-qlub tan-nies u jagħtu opportunità biex wieħed jieqaf u jaħseb dwar il-valur tal-ħajja tal-bniedem.

Tistgħu taraw il-filmati u r-ritratti hawnhekk u fuq Instagram:

https://www.instagram.com/p/C-Dd7B7tueo/

https://www.instagram.com/p/C-SkUtONRJR/

https://www.instagram.com/p/C-VHXOdtdps/

https://www.instagram.com/p/C-YG_wHtNke/

https://www.instagram.com/p/C-ajpwSN7A6/

https://www.instagram.com/p/C-dWm1vNzDW/

Tim Makarov huwa l-Kap tat-Tim Content & Digital ta’ BRAND UKRAINE. Huwa għandu 20 sena esperjenza fil-ġurnaliżmu, il-kummerċjalizzazzjoni u l-komunikazzjoni diġitali. Il-vokazzjoni tiegħu hija li jirrakkonta l-istejjer u joħloq proġetti li jbiddlu d-dinja għall-aħjar.