European Economic
and Social Committee
Id-diġitalizzazzjoni tal-enerġija – Il-konsumaturi jeħtiġilhom ikunu jistgħu jkomplu jagħżlu bejn metodi diġitali u prediġitali
Fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju tal-KESE ġiet adottata l-Opinjoni dwar Id-diġitalizzazzjoni tal-enerġija: nibbilanċjaw l-opportunitajiet u r-riskji għall-konsumaturi Ewropej.
Din l-Opinjoni, abbozzata mill-membru tal-KESE Kęstutis Kupšys, tindika li l-enerġija għandha tibqa’ affordabbli, aġġustabbli u faċli biex tintuża għall-konsumaturi. Id-diġitalizzazzjoni tal-enerġija ma tfissirx “diġitali biss”.
Jeħtieġ li l-konsumaturi jibqgħu l-ogħla prijorità u li jiġu ppreservati l-modi tradizzjonali ta’ negozjar. Jeħtieġ li l-UE tagħmel progress fl-iżvilupp ta’ għodod diġitali faċli għall-utent li jakkomodaw ħtiġijiet diversi u jippromovu aċċess ugwali għas-servizzi tal-enerġija diġitali.
Madankollu, l-utenti xorta għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-prezzijiet, il-kuntratti u s-servizzi tal-klijenti b’mod “prediġitali”. “Id-diġitalizzazzjoni tal-enerġija toffri opportunitajiet u sfidi. Irridu naħdmu flimkien biex niżguraw li t-tranżizzjoni tal-enerġija diġitali tkun inklużiva, sigura u verament ta’ benefiċċju għall-konsumaturi Ewropej kollha, u b’hekk il-punti b’saħħithom jinbidlu f’opportunitajiet,” qal is-Sur Kupšys.
L-indisponibilità reċenti tal-IT ikkawżat kaos fil-qasam tat-trasport u tan-negozji fid-dinja kollha, u wriet kemm huwa importanti li ma jkunx hemm dipendenza eċċessiva fuq it-teknoloġija.
Il-vantaġġi tat-tranżizzjoni lejn enerġija diġitali ma jridux jaħbu l-lat l-ieħor tal-kwistjoni: ir-riskji u l-isfidi. Għal din ir-raġuni, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-appoġġ għall-ħaddiema għandhom jibqgħu fil-quċċata tal-aġenda.
Huwa importanti li jinħolqu regolamenti dinamiċi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur adattati għall-kuntesti u l-parteċipanti ġodda fis-settur, iżda wkoll li jiġu offruti taħriġ, programmi ta’ taħriġ mill-ġdid u assistenza finanzjarja lill-ħaddiema. (mp)