Fl-4 ta’ Ottubru, il-Grupp Ad Hoc tal-KESE dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej organizza dibattitu dwar L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej – Is-sitwazzjoni attwali fil-Kroazja f’Zagreb. L-għan tad-dibattitu kien li l-membri tal-Grupp Ad Hoc jaħdmu mal-partijiet ikkonċernati lokali u jiddiskutu l-esperjenzi, il-fehmiet u l-ideat tagħhom. Huma ffukaw b’mod partikolari fuq il-viżibbiltà tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) fil-Kroazja u s-sensibilizzazzjoni dwarha, kif ukoll it-tagħlimiet meħuda u l-aħjar prattiki identifikati s’issa. L-IĊE hija għodda li tippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jinfluwenzaw direttament il-politika tal-UE billi jipproponu leġiżlazzjoni ġdida.

Id-dibattitu f’Zagreb dwar L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej – Is-sitwazzjoni attwali fil-Kroazja kien l-ewwel avveniment bħal dan li l-Grupp Ad Hoc organizza barra Brussell. Id-dibattitu kien organizzat mill-Kamra Kroata tas-Snajja’ u l-Artiġjanat u l-membri tal-Grupp Ad Hoc tal-KESE bi pjaċir laqgħu lil Margareta Mađerić, Segretarju tal-Istat fil-Ministeru Kroat għax-Xogħol, Dino Zorić mill-Ministeru tal-Ġustizzja, rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea u l-Forum tal-IĊE, u bosta parteċipanti oħra miċ-ċentri tal-Europe Direct, rappreżentanti ta’ universitajiet, awtoritajiet lokali u kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali, kif ukoll Ambaxxaturi tal-IĊE fil-Kroazja, organizzaturi tal-IĊE, studenti universitarji u partijiet ikkonċernati oħra tal-IĊE.

Waranofsinhar, id-dibattitu ġie segwit minn laqgħa regolari tal-Grupp Ad Hoc dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u mixja fiċ-ċentru ta’ Zagreb li matulha l-membri tal-Grupp Ad Hoc interaġixxew direttament maċ-ċittadini Kroati billi qassmu l-pubblikazzjoni popolari tal-KESE, il-Passaport għad-Demokrazija Ewropea.

Bil-programm ta’ ħidma tiegħu għall-2023-2025, il-Grupp Ad Hoc għandu l-għan li jkompli jżid il-parteċipazzjoni attiva tal-KESE fil-proċess tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Il-Grupp qed jippjana li jorganizza aktar laqgħat barra Brussell, peress li dawn jipprovdu opportunità tajba biex isir dibattitu mal-partijiet ikkonċernati lokali tal-IĊE u biex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar l-IĊE fil-livell nazzjonali u lokali.

Il-Grupp Ad Hoc dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, li attwalment huwa ppresedut mill-membru tal-KESE Violeta Jelić, twaqqaf fl-2013 biex jipprovdi gwida politika dwar l-IĊE u jimmonitorja l-iżviluppi f’dan il-qasam.

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ġiet introdotta mit-Trattat ta’ Liżbona fl-2012 bħala l-ewwel strument għad-demokrazija parteċipattiva fil-livell transnazzjonali. Tippermetti li mill-inqas miljun ċittadin tal-UE minn tal-anqas seba’ Stati Membri jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi leġiżlazzjoni u għalhekk hija l-eqreb ekwivalenti li għandna għal inizjattiva leġiżlattiva taċ-ċittadini. 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) kellu rwol attiv ħafna fl-iżvilupp u l-promozzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej sa mill-bidu nett tagħha. (ep)