European Economic
and Social Committee
L-isfidi huma kbar immens iżda daqstant hija l-qawwa tas-soċjetà ċivili
Aktar minn 800 parteċipant minn organizzazzjonijiet taċ-ċittadini u partijiet ikkonċernati madwar l-Ewropa, inklużi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, NGOs u ġurnalisti, ingħaqdu mal-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili, organizzata mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew mis-17 sal-20 ta’ Marzu 2025. Is-sessjoni tal-ftuħ enfasizzat il-protezzjoni tal-ispazju ċiviku permezz ta’ azzjoni legali, waqt li affermat mill-ġdid ir-rwol ewlieni tas-soċjetajiet ċivili: obbligu ta’ rendikont għall-karigi ta’ poter, ħolqien ta’ rabtiet, appoġġ għar-reżiljenza soċjali, u vuċi lil dawk li spiss jiġu injorati.
It-tema tal-edizzjoni tal-2025 tal-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili kienet It-tisħiħ tal-koeżjoni u l-parteċipazzjoni f’soċjetajiet polarizzati. Bit-tliet inizjattivi ewlenin tiegħu, jiġifieri l-panels tal-Gruppi ta’ Kuntatt tal-KESE, l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u l-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili, l-avveniment kellu l-għan li:
- jindirizza l-polarizzazzjoni dejjem tikber li ġiet xprunata f’dawn l-aħħar snin mill-impatt tal-kriżi finanzjarja, it-tibdil fil-klima u ż-żieda fl-inugwaljanza fl-introjtu;
- jenfasizza r-rwol ewlieni li s-soċjetà ċivili jista’ jkollha f’dan il-kuntest;
- jinġabru s-soluzzjonijiet u t-talbiet tas-soċjetà ċivili lil dawk li jfasslu l-politika tal-UE sabiex jgħinu fid-depolarizzazzjoni tal-Ewropa permezz tat-tisħiħ tal-koeżjoni tas-soċjetà u l-parteċipazzjoni demokratika f’oqsma ewlenin għas-soċjetà.
Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, il-President tal-KESE Oliver Röpke saħaq li: “Is-soċjetà ċivili għandha tilqa’ l-isfida. Il-parteċipazzjoni, id-djalogu u s-solidarjetà mhumiex biss ideal – huma l-pedament ta’ Ewropa reżiljenti u magħquda. Hekk kif ninsabu miġbura għall-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili, ejjew naffermaw mill-ġdid l-impenn tagħna għall-inklużjoni u ċ-ċittadinanza attiva. Demokrazija b’saħħitha tiddependi mhux biss mill-istituzzjonijiet, iżda anke mill-involviment tal-poplu kollu tagħha.”
Fid-diskors ewlieni tagħha Albena Azmanova, Professur tax-Xjenza Politika u Soċjali f’City Saint George’s, fl-Università ta’ Londra, tkellmet dwar l-insigurtà ekonomika li qed tikber u li qed jaffaċċjaw il-maġġoranza tan-nies – u li ddeskrivietha bħala “epidemija tal-prekarjetà”. Hija spjegat għaliex is-soċjetà ċivili għandha ċ-ċavetta biex isir avvanz fi żminijiet ta’ insigurtà massiva.
“Għall-biċċa l-kbira tan-nies, l-insigurtà ekonomika massiva xejnet ir-rieda tagħhom li jiġġieldu. Is-soċjetà ċivili għandha r-rieda li tiġġieled. L-attivisti tas-soċjetà ċivili huma xprunati minn sens ta’ skop ikkaratterizzat minn ilmentar speċifiku. Huma l-operaturi viżibbli li jħaddmu d-demokrazija,” qalet.
Kif qal Younous Omarjee, Viċi President tal-Parlament Ewropew, “Aħna neħtieġu soċjetà ċivili li twaħħad liċ-ċittadini, f’dan il-kuntest ta’ individwaliżmu dejjem jikber, u bħala difiża kontra l-ideat tal-lemin estrem li qed jinfirxu.”
Adriana Porowska, Ministru għas-Soċjetà Ċivili, mill-Presidenza Pollakka tal-UE semmiet ir-rwol kruċjali tal-NGOs fir-reżiljenza soċjali u l-appoġġ tagħhom għal gruppi vulnerabbli u maqtugħin, u tkellmet ukoll dwar l-esperjenza Pollakka mas-soċjetà ċivili li tiżgura r-reżiljenza nazzjonali.
Brikena Xhomaqi, kopresident tal-Grupp ta’ Kuntatt tal-KESE man-networks Ewropej tas-soċjetà ċivili, enfasizzat li l-unità fid-diversità, il-mantra tant għal qalb l-UE, titrawwem fil-livell lokali. Madankollu, is-Sinjura Xhomaqi semmiet li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs jinsabu taħt attakk, bil-finanzjament u r-rwol tagħhom li qed jiġu kkontestati. “Mingħajr riżorsi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ma jistgħux jiffunzjonaw. Hemm bżonn li l-istituzzjonijiet jipproteġu s-soċjetà ċivili; neħtieġu protezzjoni legali għall-ispazju ċiviku biex inżommu s-soċjetà tagħna flimkien u magħquda fid-diversità.”