European Economic
and Social Committee
Il-pjan ReArm Europe
Ta’ Nicolas Gros-Verheyde
Il-pjan ReArm Europe ġie ppreżentat mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u ġie approvat mis-27 Stat Membru f’summit speċjali fis-6 ta’ Marzu. Fih ħames proposti ewlenin; ċertament huma interessanti, iżda jistħoqqilhom ukoll aktar diskussjoni.
L-ewwel proposta hija l-flessibbiltà fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
Il-Kummissjoni qed tipproponi li tattiva l-klawżola liberatorja tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li tippermetti lill-Istati Membri jżidu l-infiq għad-difiża b’ 1,5 % tal-PDG mingħajr ma jirriskjaw il-ftuħ ta’ proċedura ta’ defiċit eċċessiv. L-iffrankar mistenni? “Kważi EUR 650 biljun” fuq erba’ snin. L-Ewropa jeħtieġ li żżid b’mod sinifikanti l-infiq tagħha għad-difiża, targumenta Ursula von der Leyen.
It-tieni proposta hija strument ġdid ta’ self għad-difiża.
Dan l-istrument ikun jiswa EUR 150 biljun, iffinanzjat permezz ta’ self mill-baġit tal-UE taħt sistema simili għall-assistenza makrofinanzjarja. Hija maħsuba biex tintuża f’oqsma ta’ prijorità fejn hemm nuqqasijiet serji: difiża tal-ajru u tal-missili (l-inizjattiva Ġermaniża European Sky Shield), sistemi tal-artillerija, missili u munizzjon, sistemi ta’ drones u ta’ kontra d-drones, abilitanti strateġiċi, protezzjoni tal-infrastruttura kritika (inkluż fir-rigward tal-ispazju), mobilità militari, ċibernetika, intelliġenza artifiċjali u gwerra elettronika.
Biex tħaffef il-proċess, il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-Artikolu 122 tat-Trattat: meta jintuża f’ċirkostanzi eċċezzjonali, dan jirrikjedi sempliċement il-qbil tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill tal-UE, waqt li l-Parlament Ewropew ikun infurmat biss. Dan biex jiġi evitat il-proċess demokratiku li jista’ jiġi kkontestat. Il-pjan biex tissaħħaħ id-difiża tal-Ewropa ġie approvat fis-summit ta’ Versailles f’Marzu 2022 – tliet snin ilu! Jidher li huwa diffiċli li wieħed jiġġustifika li dan jissejjaħ “urġenti”.
It-tielet proposta hija li jintużaw il-fondi reġjonali.
Fuq medda qasira ta’ żmien, il-Kummissjoni tinsisti li l-Unjoni Ewropea tista’ tagħmel aktar bil-baġit Ewropew billi talloka mill-ġdid fondi minn ċerti intestaturi tal-baġit. Tipproponi li l-Istati Membri jingħataw l-għażla “li jużaw il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni biex iżidu l-infiq fuq id-difiża”, u trid tiffaċilita l-proċess għal trasferimenti volontarji lejn fondi oħra tal-UE b’objettiv ta’ difiża.
Dan jirrappreżenta tnaqqis kbir fil-pjan baġitarju pluriennali attwali (2021-2027). Il-mistoqsija hija: għandna nissagrifikaw il-koeżjoni soċjali jew reġjonali għall-fini tad-difiża? Din kwistjoni għal dibattitu.
Fl-istess ħin, il-pjattaforma STEP għat-teknoloġiji strateġiċi tista’ tiġi mobilizzata aktar billi tiġi estiża għat-teknoloġiji kollha fis-settur tad-difiża. Possibbiltà oħra, skont il-Kummissjoni, hija r-rilassament tar-restrizzjonijiet eżistenti, bħar-regoli tal-kompetizzjoni jew ir-regoli dwar il-prefinanzjament u l-kofinanzjament.
Ir-raba’ proposta hija s-self mill-BEI.
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-azzjonisti tiegħu (l-Istati Membri) ripetutament esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għal kwalunkwe pass ulterjuri lejn self lis-settur purament militari, u li jippreferu s-settur doppju. Il-Kummissjoni għalhekk qed tinsisti li tinbidel il-politika tal-BEI.
Il-ħames proposta hija l-mobilizzazzjoni tal-kapital privat.
L-għan huwa li l-kumpaniji tad-difiża jingħataw l-aħjar aċċess possibbli għall-kapital, għall-finanzjament – problema rikorrenti għall-industrija. Din l-idea għandha tiġi inkluża fil-komunikazzjoni dwar Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti.