Jeħtieġ li l-UE tirreżisti t-tentazzjoni tad-deregolamentazzjoni, peress li din toħloq biss inċertezza għan-negozji, iddgħajjef il-kompetittività xprunata mis-sostenibbiltà, u tnaqqas il-benesseri u l-fiduċja taċ-ċittadini, jgħid Danny Jacobs, id-direttur ġenerali tan-network ambjentali ta’ Flanders  Bond Beter Leefmilieu - BBL. Huwa kkondivida magħna t-tħassib tal-NGOs ambjentali rigward l-aħħar proposta tal-UE biex jiġu ssemplifikati r-regolamenti, li qed jibżgħu li dawn jistgħu jġennbu l-ambizzjonijiet ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Tista’ tikkummenta dwar l-aħħar inizjattivi tal-Kummissjoni dwar id-deregolamentazzjoni, bħall-Boxxla għall-Kompetittività jew il-pakkett Omnibus?

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat aġenda mmexxija ekonomikament ta’ deregolamentazzjoni u semplifikazzjoni, li qed thedded li tipperikola l-kisbiet diffiċli ambjentali, soċjali u ekonomiċi. Din it-tensjoni bejn l-adattament u l-preservazzjoni tal-acquis Ewropew tagħmilha diffiċli għall-UE biex tmexxi f’direzzjoni ċara.

Il-Boxxla għall-Kompetittività tal-Kummissjoni, ippreżentata lejn l-aħħar ta’ Jannar, ittenni t-tħassib korporattiv dwar il-kostijiet tal-enerġija u l-isfidi ekonomiċi, iżda twarrab prijoritajiet ewlenin bħat-tniġġis żero u l-benesseri taċ-ċittadini, u tonqos milli tiggwida l-ekonomija tal-Ewropa lejn futur nadif, prosperu u ċirkolari. Hemm ir-riskju li l-Boxxla se tmexxi ’l-Ewropa fid-direzzjoni l-ħażina. Il-promozzjoni tad-dekarbonizzazzjoni kompetittiva mingħajr l-integrazzjoni tal-objettivi soċjali u ambjentali timmina l-iskop proprju tal-istituzzjonijiet tal-UE: li jaqdu u jiddefendu l-ġid komuni.

Dak li qed jinkwieta lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa l-mira riskjuża ta’ semplifikazzjoni ta’ 25 % fi ħdan il-Boxxla. Filwaqt li s-semplifikazzjoni tar-regolamenti hija milqugħa tajjeb, is-semplifikazzjoni mingħajr valutazzjonijiet bir-reqqa tista’ timmina l-protezzjonijiet kritiċi tas-saħħa, soċjali u ambjentali. Mhijiex ir-regolamentazzjoni li xxekkel l-innovazzjoni tan-negozju, iżda pjuttost in-nuqqas ta’ regoli ċari. Deregolamentazzjoni ulterjuri toħloq biss klima ta’ inċertezza, li tippenalizza lil dawk li jieħdu l-ewwel pass – negozji minn ta’ quddiem fit-tmexxija – waqt li tikkomprometti l-progress u s-sostenibbiltà.

Nibżgħu wkoll li din l-ispinta għas-semplifikazzjoni se ssir għad-detriment tal-objettivi ambjentali u soċjali. Id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD), id-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva, u t-tassonomija tal-UE għandhom ħafna nuqqasijiet u ma waslux sa fejn setgħu jaslu. Jekk dawn indgħajfuhom minn punt tat-tluq diġà baxx, dawn id-direttivi jsiru bla sens.

Eżempju konkret ieħor iwitti t-triq għal dak li qed jiġri bħalissa.  Flanders qed tiffaċċja problema enormi ta’ sustanzi perfluworoalkilati u polifluworoalkilati f’dawn l-aħħar snin: parti kbira mit-territorju tagħna hija mniġġsa minn dawn is-sustanzi kimiċi, u mijiet ta’ eluf ta’ ċittadini huma affettwati. Restrizzjoni jew projbizzjoni skont il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi (REACH) titqies bħala l-aktar għodda effettiva għall-kontroll tar-riskji maħluqa minn sustanzi, bħas-sustanzi perfluworoalkilati u polifluworoalkilati, li jintużaw fil-proċessi industrijali kif ukoll fi prodotti (taħlitiet u oġġetti). Kieku l-Kummissjoni Ewropea kellha tabbanduna l-importanza tar-regolament strett tar-REACH, dan iżid ir-riskju ta’ esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi, li huwa ta’ ħsara għas-saħħa pubblika. Il-kumpaniji jkollhom inqas obbligi biex ifittxu alternattivi sikuri, li jimpedixxi l-innovazzjoni fil-kimika sostenibbli. It-tniġġis ambjentali jista’ jiżdied peress li regoli inqas stretti jwasslu għal skariki u skart aktar perikolużi. Il-konsumaturi huma aktar f’riskju minħabba li l-prodotti mhumiex iċċekkjati bir-reqqa għas-sustanzi tossiċi. Dan jista’ jwassal biex il-kumpaniji Ewropej jibqgħu lura fit-tranżizzjoni globali lejn prodotti aktar sikuri u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u b’hekk jitilfu s-sehem mis-suq għall-kompetituri li jħaddnu innovazzjonijiet li jibqgħu validi fil-futur.

X’tama għandek dwar id-destin tal-Patt Ekoloġiku fid-dawl tal-perkors li għadu kif tħabbar mill-Kummissjoni biex tingħata spinta lill-ekonomija Ewropea?

Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2025 jippreżenta kemm wegħda kif ukoll periklu. Filwaqt li l-impenji tagħha lejn id-dekarbonizzazzjoni u l-enerġija affordabbli jindikaw perkors potenzjali lejn Ewropa aktar nadifa u aktar reżiljenti, l-ambizzjonijiet ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jinsabu fil-periklu li jitwarrbu. Qed jiżdied it-tħassib dwar ir-Regolament Omnibus propost, li jista’ jservi bħala mod indirett għad-deregolamentazzjoni tar-responsabbiltà korporattiva bl-iskuża tas-“semplifikazzjoni”. Xejriet reċenti juru li s-semplifikazzjoni spiss wisq tintuża biex iddgħajjef is-salvagwardji essenzjali, mil-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi sal-agrikoltura. Ir-riforma mgħaġġla tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) f’Marzu 2024, li neħħiet is-salvagwardji ekoloġiċi, hija eżempju ċar ta’ dan. Issa, ir-reviżjoni tar-REACH li ilha mistennija, ladarba titfassal bħala għodda għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ambjent, tirriskja li tiġi ppakkettata mill-ġdid bħala miżura ta’ “semplifikazzjoni” biex jiġu ffaċilitati r-regoli tal-industrija.

Ftit xhur ilu biss, il-President von der Leyen wiegħdet li tibqa’ fit-triq lejn l-għanijiet kollha tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Madankollu, il-Programm ta’ Ħidma attwali jirrakkonta storja differenti, li tneħħi l-prijorità tal-għanijiet stess fejn l-azzjoni hija l-aktar urġenti – b’mod partikolari l-ambizzjoni ta’ Tniġġis Żero.

Tara li d-deregolamentazzjoni, kif proposta, jista’ jkollha impatt negattiv fuq is-sostenibbiltà u l-progress miksub s’issa?

Jeħtieġ li l-UE tirreżisti t-tentazzjoni tad-deregolamentazzjoni, li ddgħajjef biss iċ-ċertezza regolatorja u l-prevedibbiltà għan-negozji, iddgħajjef il-kompetittività fit-tul immexxija mis-sostenibbiltà, u tnaqqas il-benesseri u l-fiduċja taċ-ċittadini.

Jeħtieġ li l-UE tiżgura li t-tnaqqis tal-burokrazija ma jfissirx li jitnaqqsu l-protezzjonijiet ambjentali u tas-saħħa pubblika. Implimentazzjoni intelliġenti għandha ssaħħaħ, u mhux iddgħajjef, il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Li jiddgħajfu l-protezzjonijiet ambjentali u soċjali ewlenin bil-pretest tat-tnaqqis tal-burokrazija mhijiex strateġija għas-saħħa ekonomika. Huwa pass lura imprudenti li se jissabotaġġa r-regoli stess li tfasslu biex l-ekonomija tagħna tibqa’ valida fil-futur. Dan kollu jsaħħaħ ir-riskju allarmanti li jixxejnu għaxar snin ta’ progress dwar is-sostenibbiltà.

Fl-istess ħin, is-soċjetà ċivili tinsab taħt pressjoni dejjem akbar madwar l-UE, b’liġijiet restrittivi dwar l-aġenti barranin, repressjonijiet ta’ protesta, u tnaqqis fil-finanzjament li jhedded id-drittijiet fundamentali. It-Tarka Ewropea għad-Demokrazija u l-Istrateġija tal-UE għas-Soċjetà Ċivili li jmiss iridu jwettqu aktar minn sempliċi impenji simboliċi – iridu jipprovdu protezzjonijiet legali, finanzjament sostenibbli, u djalogu ċivili strutturat mal-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għandu jagħti prijorità lis-salvagwardja tad-demokrazija billi jsaħħaħ is-soċjetà ċivili. Mingħajr soċjetà ċivili indipendenti u b’riżorsi tajbin, id-demokrazija Ewropea nnifisha tinsab f’riskju.

Danny Jacobs huwa d-direttur ġenerali ta’ Bond Beter Leefmilieu - BBL (federazzjoni ta’ 135 NGO ambjentali fi Flanders, il-Belġju) u rappreżentant Belġjan fl- Uffiċċju Ewropew għall-Ambjent (l-akbar network ta’ organizzazzjonijiet taċ-ċittadini ambjentali fl-Ewropa, li jirrappreżenta madwar 30 miljun membru u sostenitur individwali).