Minn Stefano Palmieri
Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Minkejja li r-rapporti ta’ Letta u Draghi jvarjaw b’mod sinifikanti fl-analiżi u fl-istrateġiji proposti tagħhom, hemm elementi ta’ trikkib konsiderevoli bejn dawn iż-żewġ ir-rapporti.

Bħala eżempju se nħarsu lejn il-politika ta’ koeżjoni. Fir-rapport ta’ Letta, il-politika ta’ koeżjoni għandha rwol ċentrali billi tiżgura li l-benefiċċji tas-suq uniku jiġu kondiviżi fost iċ-ċittadini u r-reġjuni kollha tal-Unjoni. Ir-rapport jenfasizza wkoll ir-rabta bejn il-politika ta’ koeżjoni u s-servizzi ta’ interess ġenerali, li huma essenzjali biex l-Ewropej ikunu jistgħu jgħixu u jaħdmu fejn jixtiequ huma. B’kuntrast ma’ dan, ir-rapport ta’ Draghi jidher li jnaqqas l-importanza tal-politika ta’ koeżjoni u d-dimensjonijiet soċjali u territorjali tal-kompetittività. Huwa jiddiskuti l-kompetittività Ewropea mingħajr ma jqis id-disparitajiet territorjali, u jimplika li sempliċiment it-tisħiħ tal-kompetittività ġenerali tal-UE jsolvi kwistjonijiet reġjonali. Huwa jinjora l-fatt li, għal ħafna reġjuni, il-kompetittività baxxa u l-iżvantaġġ territorjali huma żewġ naħat tal-istess munita.

Iż-żewġ rapporti jirrikonoxxu li l-Unjoni m’għadx għandha l-għażla li “tibqa’ miexja kif timxi s-soltu”. L-urġenza u l-kumplessità tal-kriżijiet tal-lum jeħtieġu bidla sinifikanti fit-tfassil tal-politika Ewropea, possibbilment anke permezz ta’ bidliet fit-Trattat. Nistgħu verament niddiskutu t-tkabbir mingħajr ma nindirizzaw il-ħtieġa għal integrazzjoni politika aktar profonda? Din il-bidla għandha tinvolvi wkoll bidla fl-iskala. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali huwa insuffiċjenti, ankrat fi ftit aktar minn 1 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE u ristrett mil-loġika skaduta ta’ “juste retour”. Jenħtieġ approċċ ġdid, ispirat mill-mudell Next Generation EU. L-isfidi straordinarji jridu jiġu indirizzati b’soluzzjonijiet kuraġġużi, inkluż il-ħruġ ta’ “assi sikuri komuni” kif deher matul il-pandemija.

Il-QFP 2028-2034 li jmiss se jittestja l-intenzjonijiet veri tal-UE, peress li jistabbilixxi prijoritajiet għas-seba’ snin li ġejjin. F’dan il-kuntest, huwa raġonevoli li wieħed jistenna dibattitu miftuħ dwar l-isfidi li qed tiffaċċja l-UE, minħabba d-diversi kriżijiet li għaddejjin bħalissa, kif ukoll dwar l-objettivi ewlenin tagħha u l-beni komuni Ewropej li għandha l-għan li twassal liċ-ċittadini tagħha.

Meta titqies ir-riforma regolatorja, kif rakkomandat fiż-żewġ rapporti, huwa importanti li wieħed jiftakar li l-UE hija l-aktar “ekonomija soċjali tas-suq” avvanzata fid-dinja. L-istandards ekonomiċi, soċjali u ambjentali għoljin tagħha huma essenzjali għas-suċċess ta’ dan il-mudell, u mhux ostakli għalih. Għalhekk, it-tqabbil tar-regolamenti tal-UE ma’ dawk tal-Istati Uniti jew taċ-Ċina huwa fundamentalment żbaljat. Kwalunkwe sforz biex jiġu ssemplifikati r-regoli tal-UE xorta jrid jipproteġi l-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sikurezza tal-ħaddiema, id-drittijiet tal-konsumatur, il-koeżjoni soċjali u ekonomika, u t-tkabbir sostenibbli.

L-Ewropa waslet biex tifhem, għalkemm tard, li l-fatt li wieħed ikun suq kbir m’għadux biżżejjed. Biex timxi ’l quddiem, jeħtiġilha tistinka għal għaqda akbar, fosthom integrazzjoni politika aktar profonda u politiki verament unifikati dwar l-ekonomija, l-industrija, il-kummerċ, l-affarijiet barranin u d-difiża. Ix-xhur li ġejjin se jkunu deċiżivi fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa.