Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) appella għal bidliet fir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex jiġu rikonoxxuti u akkomodati aħjar il-ħtiġijiet tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali, li jaqdu rwol kritiku fl-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar Kif għandhom jiġu appoġġjati l-entitajiet tal-ekonomija soċjali f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat: xi riflessjonijiet wara s-suġġerimenti li saru fir-rapport ta’ Enrico Letta, li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Jannar, il-KESE wissa li r-regolamenti eżistenti jonqsu milli jipprovdu appoġġ adegwat lil dawn l-intrapriżi, li ħafna drai jinvestu l-profitti tagħhom fi sforzi biex jintlaħqu l-objettivi soċjali minflok iqassumhom lill-investituri.

“Irridu nissensibilizzaw aktar nies rigward il-benefiċċji ta’ regolamentazzjoni effettiva b’rabta mal-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat kemm għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali kif ukoll għas-sistema kollha ta’ servizzi ta’ interess ġenerali”, sostna ir-relatur tal-Opinjoni, Giuseppe Guerini.

L-entitajiet tal-ekonomija soċjali – li jvarjaw minn kooperattivi għal soċjetajiet mutwi u fondazzjonijiet – jimpjegaw aktar minn 11-il miljun persuna madwar l-UE, jiġifieri 6.3 % tal-popolazzjoni attiva. Dawn joperaw f’oqsma bħas-servizzi soċjali u tas-saħħa, l-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tal-faqar. Minkejja l-kontribut tagħhom, ħafna jiffaċċjaw ostakli sistemiċi biex jiżguraw kapital ta’ investiment fit-tul u jinnavigaw il-proċessi tal-akkwist pubbliku, peress li l-qafas regolatorju attwali spiss jonqos milli jqis in-natura mingħajr skop ta’ qligħ jew ibbażata fuq is-solidarjetà tagħhom.

Fost affarijiet oħra, l-Opinjoni tal-KESE tenfasizza l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi mhux qed jużaw biżżejjed l-għodod eżistenti bħar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija (GBER) u l-qafas għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

Huwa għalhekk li l-Kumitat qed jappella għas-semplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tar-regoli kumplessi żżejjed u skaduti fl-ambitu tal-GBER għall-appoġġ tal-impjieg ta’ ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità, f’konformità ma’ xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport ta’ Letta dwar is-suq uniku.

Għalkemm iż-żieda reċenti fil-limiti massimi tal-għajnuna de minimis – EUR 300 000 għall-kumpaniji ordinarji u EUR 750 000 għall-entitajiet tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali – hija milqugħa, il-KESE jargumenta wkoll li strumenti aktar imfassla apposta, bħall-GBER jew id-dispożizzjonijiet speċifiċi tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, jindirizzaw aħjar il-ħtiġijiet tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali f’oqsma bħas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali. (ll)