Minn Séamus Boland, President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE

Minkejja l-fatt li l-UE hija aktar sinjura mill-biċċa l-kbira tal-partijiet tad-dinja, miljuni ta’ tfal għadhom jiddependu mill-iskejjel tagħhom biex jipprovdulhom ikel kuljum. Fil-fatt, qed jiżdied l-għadd ta’ Stati Membri li jipprovdu ikel lit-tfal matul il-vaganzi tal-iskola. Minn dan diġà naraw li l-faqar fl-aktar livell bażiku tiegħu jeżisti u qed jiżdied, u jrid jiġi indirizzat b’mod qawwi u b’rieda soda mill-Kummissjoni Ewropea li jmiss.

L-istatistika Ewropea dwar il-faqar hija inkwetanti. Madwar 21 % tal-popolazzjoni tal-UE tinsab f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali (data tal-Eurostat għall-2023) u kważi 25 % tat-tfal jinsabu f’riskju li jaqgħu fin-nassa tal-faqar (data tal-Eurostat għall-2023). Jista’ jkun li l-problema tkun agħar mingħajr l-inizjattivi attwali tal-UE li jixprunaw il-bidla f’dan il-qasam, iżda rridu nammettu li dawn mhumiex biżżejjed. Din hija r-raġuni għaliex il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tiegħu jilqgħu b’sodisfazzjon it-tħabbira tal-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen li l-Kummissjoni se tkun qed taħdem fuq strateġija tal-UE kontra l-faqar li tindirizza l-kawżi ewlenin tal-faqar matul il-mandat 2024-2029. Il-KESE, u l-Grupp tiegħi b’mod partikolari, ilhom żmien twil jitolbu strateġija bħal din.

B’xorti ħażina, il-faqar mhuwiex biss “nuqqas” tar-riżorsi bażiċi li l-familji jeħtieġu kuljum. Dan huwa r-riżultat ta’ sensiela ta’ ċirkostanzi fit-tul li jmorru id f’id ma’ privazzjoni fit-tul. Din il-privazzjoni hija marbuta ma’ sistemi politiċi, li fl-aħjar każ jinjoraw ċerta demografija u fl-agħar każ jiddiskriminaw kontrihom.

Is-soluzzjonijiet se jkollhom bżonn jivvalutaw il-kawżi storiċi profondi tal-faqar. Dan ifisser li jiġi eżaminat kull stadju tal-ħajja tan-nies, mit-twelid sal-mewt. L-istess jgħodd għall-provvista tal-akkomodazzjoni, li qed issir waħda mill-aktar problemi serji li qed jiffaċċjaw is-soċjetajiet Ewropej. Din hija r-raġuni għaliex, fuq talba tal-Grupp tiegħi, il-KESE kkummissjona studju dwar akkomodazzjoni sostenibbli u affordabbli fl-UE. Dan ġie ppreżentat fil-konferenza tagħna fil-21 ta’ Novembru dwar il-protezzjoni tal-persuni l-aktar vulnerabbli fl-Ewropa permezz ta’ akkomodazzjoni sostenibbli u affordabbli. B’din il-konferenza, urejna li l-akkomodazzjoni affordabbli hija waħda mill-istrumenti ewlenin għall-ġlieda kontra l-faqar.

Ninsabu kuntenti li l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida se tinkludi kummissarju responsabbli għall-enerġija u l-akkomodazzjoni, u b’hekk tgħin biex jinqered il-faqar. Madankollu, huwa inkwetanti li l-biċċa l-kbira tal-politiċi għadhom iqisu l-qerda tal-faqar bħala problema li għandha tiġi solvuta b’baġits kbar u ġestiti b’mod burokratiku. Ir-riżorsi se jilħqu lil dawk affettwati meta tinbidel din il-mentalità. Il-faqar huwa kwistjoni trasversali u l-kummissarji Ewropej il-ġodda għall-enerġija u l-akkomodazzjoni, l-ugwaljanza, il-koeżjoni u r-riformi u t-tranżizzjoni ġusta jeħtiġilhom jieħdu r-responsabbiltà li jixprunaw din il-bidla, b’mod urġenti.