Peress li l-għadd ta’ unitajiet domestiċi fl-UE li mhux se jkunu jistgħu jsaħħnu djarhom x’aktarx li se jiżdied, u l-inflazzjoni annwali tal-enerġija qabżet l-40 %, f’Opinjoni reċenti l-KESE jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri urġenti għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-faqar enerġetiku.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħmlu l-aċċess ugwali għall-enerġija u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija bi spiża affordabbli, il-prijorità assoluta tagħhom.

F’Opinjoni dwar L-indirizzar tal-faqar enerġetiku u r-reżiljenza tal-UE, li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Settembru, il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni Ewropea jagħtu lill-enerġija, bħall-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55%”, l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Mewġa ta' Rinnovazzjoni. Madankollu, il-Kumitat jwissi li, mingħajr implimentazzjoni rapida, impenji b’saħħithom u miżuri konkreti mill-Istati Membri, dawn l-inizjattivi mhux se jkunu biżżejjed biex tiġi indirizzata l-kriżi attwali.

“Għandu jkun hemm approċċ komuni għall-fehim u l-indirizzar tal-faqar enerġetiku fil-livell tal-UE”, qal Ioannis Vardakastanis, ir-relatur tal-Opinjoni. “Tali approċċ jista’ jwassal għal definizzjoni komuni. Fl-istess ħin, għandna nħallu f’idejn kull Stat Membru biex isib soluzzjonijiet imfassla apposta. L-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li dawk l-aktar vulnerabbli ma jitħallewx mingħajr appoġġ”.
Il-miżuri nazzjonali biex jittaffew l-effetti negattivi taż-żieda fil-prezzijiet fuq dawk l-aktar vulnerabbli għandhom jinkludu appoġġ finanzjarju dirett u politiki soċjali, jew inċentivi u appoġġ biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, abbażi taċ-ċirkostanzi speċifiċi nazzjonali u lokali.

Sabiex jiġi żgurat approċċ tassew komprensiv, il-KESE jappella sabiex titwaqqaf koalizzjoni politika wiesgħa u ambizzjuża biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku, u li l-azzjonijiet tagħhom jiġu żviluppati aktar fi strateġija tal-UE. L-għan għandu jkun li l-faqar enerġetiku jitnaqqas għal livell minimu sal-2030, u li fit-tul jinqered għalkollox.
Flimkien mal-istituzzjonijiet tal-UE, il-koalizzjoni għandha tinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż dawk li jirrappreżentaw lill-popolazzjonijiet li l-aktar li jinsabu f’riskju ta’ faqar enerġetiku. L-awtoritajiet lokali u muniċipali għandhom jiġu involuti wkoll.

Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li jkun hemm investiment fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, kif ukoll ir-rinnovazzjoni fuq skala kbira tal-bini. L-Istati Membri, f’ħidma mal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jagħtu prijorità lil rinnovazzjoni profonda li twassal għal aktar minn 60 % f’iffrankar tal-enerġija. Biex dan ikun fattibbli, huwa ċar li hemm bżonn ta’ ammont kbir ta’ investiment privat. (ll)