Il-voluntieri: atturi essenzjali fis-soċjetajiet Ewropej

Mill-Grupp tal-KESE tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili

L-attivitajiet ta’ volontarjat informali u formali mwettqa matul il-pandemija tal-COVID-19 u l-assistenza mogħtija lir-refuġjati Ukreni għal darb’ oħra wrew il-kontribut essenzjali u olistiku li l-volontarjat joffri lis-soċjetà. Il-volontarjat għandu rwol ċentrali fil-bini tal-kapital soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni. Huwa wkoll sors importanti ta’ awtożvilupp u l-aktar eżempju ċar ta’ impenn ċiviku u ċittadinanza attiva.

Fil-konferenza dwar Voluntiera – Iċ-ċittadini jibnu l-ġejjieni tal-Ewropa, li saret fis-7 ta’ Lulju 2022 fi Gdańsk, il-Polonja, il-parteċipanti għalhekk appellaw, fost affarijiet oħra, għal: 

  • żieda fis-sensibilizzazzjoni soċjali dwar il-kontribut tal-volontarjat għas-soċjetajiet Ewropej, pereżempju permezz tad-disponibbiltà u l-kondiviżjoni ta’ mudelli u data affidabbli li jkejlu l-kontribut ekonomiku tal-volontarjat, kif ukoll il-kontribut tiegħu lil hinn mill-PDG;
  • l-introduzzjoni ta’ oqfsa ta’ politika u/jew regolatorji abilitanti u oqfsa legali, li għandhom jiġu deċiżi fuq bażi speċifika għall-pajjiż u f’konsultazzjoni diretta mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
  • l-għoti ta’ finanzjament strutturat u sostenibbli u livelli sikuri u adatti ta’ appoġġ u infrastruttura għall-volontarjat;
  • il-volontarjat għandu jitpoġġa lura fuq l-aġenda politika Ewropea, pereżempju billi jiġi żviluppat u appoġġjat b’mod attiv programm ta’ volontarjat aktar komprensiv madwar l-Ewropa kollha, għandu jinħoloq sit web tal-volontarjat fl-UE kollha, u l-2025 għandha tiġi ddeżinjata bħala s-Sena Ewropea tal-Volontarjat.

Il-konferenza ġiet organizzata mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, flimkien ma’ diversi msieħba Ewropej u lokali. Din laqqgħet flimkien voluntieri, riċerkaturi, rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili nazzjonali u Ewropej u awtoritajiet pubbliċi, biex jiddiskutu u jaqsmu l-esperjenza tagħhom dwar ix-xejriet tal-volontarjat fl-UE, l-appoġġ tal-awtoritajiet pubbliċi għall-organizzazzjonijiet u l-voluntieri, u forom ġodda ta’ volontarjat.

Is-sett sħiħ ta’ konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet mill-konferenza huwa disponibbli minn: https://europa.eu/!KC4tFR