Sa minn mindu ġie ffirmat il-Protokoll ta’ Kjoto, diversi ġurisdizzjonijiet madwar id-dinja implimentaw is-Sistemi għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet. Is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet hija l-akbar sistema u l-aktar waħda antika, u għandha tiġi riveduta f’konformità mal-Qafas ta’ Politika tal-UE dwar il-Klima u l-Enerġija għall-2030. F’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Settembru, il-KESE jipprovdi ħarsa ġenerali lejn is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet u lejn sistemi oħra fid-dinja għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, u jiddeskrivi approċċi biex jiġi rregolat il-kummerċ f’dan il-ftehim il-ġdid għas-swieq tal-karbonju.

Fl-Opinjoni tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jerġa’ juri l-appoġġ tiegħu għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, jappella lill-Kummissjoni timmonitorja s-swieq lokali tal-karbonju fid-dinja sabiex tidentifika l-aħjar prattiki li jistgħu jkunu utli għar-reviżjoni tas-Sistemi għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, u tqis il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jiġi implimentat mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fl-UE, kemm mil-lat ambjentali kif ukoll dak kummerċjali.

Wieħed mill-punti ewlenin fl-Opinjoni huwa li l-KESE jinsab imħasseb bil-livelli assimteriċi tal-prezz tal-karbonju bejn il-ġurisdizzjonijiet u s-swieq differenti. Kundizzjonijiet ekwi bejn l-industriji fl-UE u barra l-UE jistgħu tabilħaqq jiddgħajfu minħabba l-iżvilupp ta’ sistemi differenti għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet iżda wkoll minħabba l-kompetizzjoni minn swieq terzi f’pajjiżi li ma għandhomx politiki ambizzjużi dwar il-klima. Għalhekk, huwa jitlob lill-Kummissjoni biex fix-xhur li ġejjin tressaq Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri li jipproteġi lill-kumpaniji tal-UE li jużaw ħafna enerġija minn importazzjonijiet irħas minn pajjiżi terzi mingħajr politiki dwar il-klima jew b’politiki aktar dgħajfa. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu implimentati aġġustamenti tal-karbonju fil-fruntieri f’konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, sabiex tiġi evitata gwerra kummerċjali. (dgf)