L-UE ilha sa mill-1992 tipprova timplimenta strateġiji tal-bijodiversità mingħajr ebda riżultat sinifikanti. Dan huwa primarjament minħabba implimentazzjoni fqira tal-qafas leġiżlattiv, u minħabba nuqqas ta’ fondi għall-miżuri meħtieġa.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-impenn u sforzi mġeddin tal-Kummissjoni biex tiżviluppa Strateġija tal-UE li tistabbilixxi miri biex jintlaħqu sal-2030, bħala wieħed mill-perkorsi lejn il-kisba tal-Patt Ekoloġiku tal-UE. 

Skont ir-relatur Antonello Pezzini u l-korelatur Lutz Ribbe, din l-istrateġija hija t-triq ’il quddiem biex il-bijodiversità tal-Ewropa titpoġġa fil-qalba tal-irkupru wara l-COVID-19 għall-benefiċċju tan-nies, il-klima u l-pjaneta, filwaqt li nreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna.

L-UE jeħtieġ iżżid b’mod sostanzjali l-isforzi tagħha biex tipproteġi r-riżorsi naturali li fadlilna, permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ komunikazzjoni. Il-KESE jqis li hemm bżonn li jikber id-daqs taż-żoni protetti, b’mod partikolari taż-żoni bi protezzjoni stretta, li jiġu restawrati l-ħabitats u li jiġi indirizzat id-deklin tal-ispeċi.

Il-KESE jenfasizza wkoll li l-bdiewa u s-sidien tal-foresti ma jistgħux ikunu mistennija jġorru l-piż finanzjarju għall-protezzjoni tal-bijodiversità. Minflok, għandha tkun opportunità interessanti ta’ sors ta’ introjtu għalihom meta huma jipprovdu “ben u valur pubbliku”.

Fit-tħejjija għal-laqgħa li jmiss tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika fiċ-Ċina fl-2021, irid isir ħafna iktar biex nissalvagwardjaw il-bijodiversità globali. Issa wasal iż-żmien li l-Ewropa tassumi r-rwol tagħha ta’ tmexxija, u tikkonvinċi lill-partijiet l-oħra li l-istrateġiji adottati ta’ min jiġu segwiti. (mr)