Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

L-10 ta’ Novembru kien Jum għall-Pagi Indaqs 2021, opportunità biex titqajjem kuxjenza dwar id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi li tilħaq medja ta’ aktar minn 14% madwar l-Ewropa u tilħaq livell ferm ogħla f’ċerti pajjiżi. It-tendenza qed titjieb f’ċerti każijiet, filwaqt li f’oħrajn ir-rata attwali ta’ titjib se twassal għal riżultati sodisfaċenti fi ftit eluf ta’ snin...

Fil-bażi għal din id-differenza hemm il-kwistjoni ta’ impjieg prekarju, li ġeneralment jaffettwa lin-nisa aktar millli lill-irġiel (in-nisa għandhom 58% tal-impjiegi kollha b’paga minima fl-Ewropa). Il-pagi baxxi jaffettwaw lill-ħaddiema kollha, iżda l-agħar milquta huma dawk l-aktar vulnerabbli. Mod ewlieni biex titnaqqas din id-differenza huwa li jiżdiedu l-pagi minimi fl-Ewropa, filwaqt li jiġi żgurat li kulħadd jaqla’ paga li tiggarantixxi l-għajxien.

Kif turi l-KETU, jekk il-pagi minimi jiżdiedu għal 60% tal-pagi medjani u 50% tal-pagi medji d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi titnaqqas b’25% fir-Rumanija, 19% fil-Greċja, 12% fil-Polonja, 11% fis-Slovakkja, u 10% fi Spanja u l-Lussemburgu. Din hija raġuni oħra għaliex it-tisħiħ tad-Direttiva tal-UE dwar il-Pagi Minimi Adegwati huwa fundamentali.

Kif innota l-KESE f’Marzu ta’ din is-sena, l-iżgurar ta’ pagi minimi diċenti u t-tisħiħ tan-negozjar kollettiv huma imperattivi biex is-soċjetà ssir stabbli u innovattiva u biex jiġi promoss il-benesseri. Madankollu, il-pagi li jiggarantixxu l-għajxien huma importanti wkoll biex in-nies joħorġu mill-faqar u biex jiġu protetti minnu, u biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien ta’ persuni vulnerabbli, li sfortunatament għadhom jinkludu n-nisa. Id-differenza tmur lil hinn mill-pagi għax tinkludi l-pensjonijiet: id-differenza għall-persuni rtirati hija ta’ 30%,u tirriżulta mid-differenzi konsiderevoli fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tul il-ħajja tax-xogħol f’kull grupp. F’ċerti każijiet, bħal Malta, din id-differenza fil-pensjonijiet testendi għal aktar minn 42%.

Is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali, flimkien mal-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet nazzjonali, jeħtieġ li jkomplu jagħmlu pressjoni biex din id-differenza tiġi eliminata. Hija parti essenzjali minn kampanja usa’ biex jiġu żgurati l-ekwità soċjali u l-ġustizzja soċjali, u biex jinbena futur aħjar għall-Ewropa. (prp)