European Economic
and Social Committee
Strateġija industrijali sostenibbli għall-UE trid tkun inklużiva u tqis l-impatti soċjali sabiex tkun ta’ suċċess
Strateġija industrijali ta’ wara l-pandemija sabiex tiżgura rkupru b’saħħtu trid tinkludi lis-soċjetà ċivili, jenfasizza l-KESE f’rapport reċenti dwar l-abbozz ta’ strateġija industrijali ġdida tal-UE. Hija trid tiffoka fuq is-sostenibbiltà u l-benesseri, tkejjel l-impatt soċjali u tippromovi sistema tal-kura tas-saħħa effiċjenti u aċċessibbli.
Il-pandemija tal-COVID-19 esponiet dgħufijiet fl-ambjent ekonomiku tal-Ewropa, b’mod partikolari inugwaljanzi reġjonali, diskrepanza fil-ħiliet, u riskji fir-rigward tas-suq uniku u l-provvista ta’ oġġetti strateġiċi. Fid-dawl ta’ dawn il-lezzjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea aġġornat il-pjan tagħha għal xenarju industrijali aktar ekoloġiku, diġitali u kompetittiv, l-Istrateġija Industrija ġdida għall-Ewropa.
Il-KESE fassal rapport dwar l-aġġornamenti, u Opinjoni supplimentari li tenfasizza l-kundizzjonijiet għal ekosistema tal-kura tas-saħħa inklużiva u innovattiva li tista’ tirfed l-industrija fl-UE.
Fir-rapport, il-KESE jappella sabiex il-gruppi kollha involuti fl-ekonomija tal-Ewropa jsawru l-futur tagħha, mit-trade unions, l-industrija u l-SMEs għal organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi. L-istrateġija attwali tiffoka fuq in-negozju, iżda huwa essenzjali li l-għarfien tal-imsieħba soċjali jiġi inkluż fit-tfassil tal-għanijiet, il-miri u l-indikaturi meħtieġa għal bidla b’suċċess, isostni l-KESE. Il-KESE jenfasizza wkoll li l-kompetittività ma tistax tkun l-uniku indikatur għal strateġija vijabbli fit-tul. Huwa meħtieġ sett usa’ ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni minn dak propost mill-istrateġija. Il-KESE jemmen li l-kompetittività u l-investiment mhumiex biżżejjed. L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni jridu jippromovu wkoll benesseri soċjali u tkabbir sostenibbli jekk l-industriji tal-Ewropa jridu jkunu tassew sostenibbli.
L-oqsma importanti li għandhom jitkejlu huma l-impatti tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-produzzjoni fuq is-soċjetà u l-ambjent, kif ukoll il-kwalità tal-impjiegi.
Sett ieħor ta’ indikaturi għandu janalizza l-bidla lejn ekonomija ċirkolari “mingħajr skart”. Fl-aħħar nett, fatturi li jkollhom impatt fuq l-industriji kollha, bħall-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, għandhom jiġu monitorjati wkoll sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji u l-impjiegi jservu għal żmien twil.
Proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEIs) huma proġetti mifruxa mal-Ewropa kollha li jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet kruċjali għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-KESE jargumenta li l-ewwel nett, l-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema huwa meħtieġ biex dawn il-proġetti jiġu implimentati tajjeb. It-tieni, l-IPCEIs jridu jiġu vvalutati skont il-valur u l-impjiegi li joħolqu, kif ukoll skont il-ħiliet li l-ħaddiema u n-negozji jeħtieġu fl-industriji modernizzati.
L-istandards huma strument ieħor importanti biex tiġi stabbilita mill-ġdid tmexxija Ewropea fil-produzzjoni industrijali. Il-Kumitat jinsisti li t-tixrid tal-istandards żviluppati mill-kumpaniji Ewropej ma għandux ikun biss f’idejn il-kumpaniji nfushom: il-Kummissjoni għandha tappoġġjahom u tgħinhom ixerrdu dawn l-istandards.
L-Opinjoni supplementari teżamina kif l-istrateġija tista’ ttejjeb l-aċċess għal kura tas-saħħa aktar ġusta u kkoordinata b’mod aħjar fl-Ewropa.
Il-KESE jirrakkomanda enfasi fuq il-governanza, id-diversifikazzjoni tal-provvista u l-kura tas-saħħa diġitali, li lkoll huma konnessi. Negozji mmexxija aħjar jippermettu lis-suq uniku jopera aktar bla xkiel, u b’hekk irawwem negozji ġodda. B’riżultat ta’ dan, għadd akbar ta’ produtturi jagħmlu l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi tal-kura tas-saħħa aktar affidabbli, hekk ukoll l-inċentivi sabiex il-manifattura ta’ materjali u prodotti essenzjali terġa’ tinġieb lejn l-Ewropa.
Miżuri li jippermettu sistemi diġitali tal-kura tas-saħħa li jaħdmu bejn l-organizzazzjonijiet u lil hinn mill-fruntieri jsaħħu aktar is-suq uniku għall-industrija u jtejbu l-aċċess għall-kura. Għall-istess raġunijiet, il-KESE jappella għal azzjoni biex jiġu promossi sinerġiji bejn is-setturi pubbliċi u privati, il-kumpaniji kbar u l-SMEs u l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp, u t-taħriġ tal-ħaddiema kollha li għandhom x’jaqsmu mal-kura tas-saħħa. (dm)