European Economic
and Social Committee
Fl-ewwel “Jum Organiku” tal-UE, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ sistemi tal-ikel aktar sostenibbli, aktar ġusti u aktar inklużivi
Hekk kif l-Ewropa qed terġa’ lura għan-normalità wara l-kriżi tal-COVID-19, issa wasal iż-żmien li tgħaddi mill-kliem għall-fatti u timplimenta l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni tas-sistemi tal-ikel tal-Ewropa sabiex dawn isiru aktar sostenibbli ambjentalment, ekonomikament u soċjalment. Jenfasizza wkoll li l-kooperazzjoni (aktar milli l-kompetizzjoni) fost l-operaturi tal-katina tal-ikel hija essenzjali biex titrawwem sistema tal-ikel aktar reżiljenti u inklużiva, sabiex jiġi żgurat sehem ġust għal kulħadd.
L-Unjoni Ewropea ċċelebrat l-ewwel “Jum Organiku” tagħha fit-23 ta’ Settembru 2021 u l-KESE għadu kif adottat l-Opinjonijiet dwar Pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika u Lejn katina tal-provvista tal-ikel ġusta.
Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ser ikollhom opportunitajiet kbar biex joħolqu t-trasformazzjonijiet meħtieġa. Ninsabu f’punt kritiku biex tiġi implimentata politika komprensiva dwar l-ikel.
Li t-8,5 % tal-art agrikola destinata għall-biedja organika fl-UE jitla’ għal 25 % hija mira ambizzjuża.
Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet mira għall-produzzjoni organika fl-UE permezz tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u l-Istrateġija għall-Bijodiversità: sal-2030 mill-inqas 25 % tal-art agrikola tibda tinħadem b’mod organiku.
“Il-biedja organika għandha rwol x’taqdi sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Pakkett Ekoloġiku Ewropew. Ser ikun hemm bżonn ta’ approċċ orjentat lejn is-suq sabiex tkompli tiżdied id-domanda tal-konsumatur u l-fiduċja fil-prodotti organiċi”, qal Andreas Thurner, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar il-produzzjoni organika.
Il-KESE madankollu jenfasizza l-bżonn li jkun hemm biżżejjed riżorsi finanzjarji sabiex jiġi żgurat li l-benefiċċji ta’ din il-konverżjoni prinċipali għall-biedja organika jitgawdew miċ-ċittadini kollha tal-UE. (mr)