European Economic
and Social Committee
Il-koeżjoni trid tkun fil-qalba tal-Ewropa ta’ wara l-pandemija, sostnew il-Kummissarju Elisa Ferreira u l-President tal-KESE Christa Schweng
Il-politika ta’ koeżjoni hija essenzjali għall-iżvilupp ta’ viżjoni ġdida ta’ wara l-COVID-19 għall-Unjoni Ewropea, li tkun iffukata fuq il-prosperità, l-inklużjoni u s-sostenibbiltà ambjentali, viżjoni li fiha s-soċjetà ċivili organizzata tkun inkluża bis-sħiħ. Dan kien il-messaġġ ta’ Christa Schweng, il-President tal-KESE, mtenni minn Elisa Ferreira, il-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u r-Riformi, fis-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Settembru.
Sa mill-bidu tal-kriżi tal-COVID-19, il-politika ta’ koeżjoni kienet strumentali biex jinstabu soluzzjonijiet matul il-fażi tal-emerġenza, u matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 hija għandha tkompli tintuża biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-inugwaljanzi li jeżistu fi ħdan l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-bliet, u l-persuni, u bejniethom, peress li s-sitwazzjoni marret għall-agħar matul il-pandemija.
“Il-politika ta’ koeżjoni għandha rwol ewlieni biex jiġi żgurat l-irkupru bilanċjat fejn ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Il-prinċipju tas-sħubija mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa parti mid-DNA tal-politika, u nixtiequ naraw li dan il-prinċipju jiġi estiż għal NextGenerationEU u l-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Il-politika ta’ koeżjoni għandha wkoll issir inqas burokratika, tkun aktar diġitalizzata u aktar effettiva”, qalet is-Sinjura Schweng.
Is-Sinjura Ferreira rrimarkat li l-kriżi tal-COVID-19 aggravat l-inugwaljanzi eżistenti u ħolqot oħrajn ġodda, li jaffettwaw b’mod partikolari lill-ħaddiema tal-ewwel linja, lill-persuni vulnerabbli bħall-persuni akbar fl-età u l-persuni b’diżabbiltà, lil dawk li għandhom inqas aċċess għas-servizzi, u lil dawk li sofrew l-aktar mill-impatti tal-lockdowns, bħan-nisa u ż-żgħażagħ: “L-Unjoni tagħna hija b’saħħitha daqs l-aktar ħolqa dgħajfa tagħha. Li niġġieldu u nnaqqsu l-inugwaljanzi huwa sine qua non għal Unjoni b’saħħitha u li tirnexxi. Il-ġustizzja soċjali u l-inklużività jeħtieġ li jkunu fiċ-ċentru tal-irkupru tagħna. Ma nistgħux insolvu kwistjonijiet soċjali mingħajr ma nsolvu l-inugwaljanzi spazjali u reġjonali. Jeħtiġilna nqisu l-postijiet fejn jgħixu n-nies”. (mp)