Tibdil kostanti fil-prijoritajiet politiċi domestiċi tal-Istati Membri tal-UE huwa ostaklu fundamentali biex tinkiseb implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti tan-network tat-trasport trans-Ewropew (TEN-T), u dan iqajjem dubji dwar jekk hux se jkun possibbli li n-network ewlieni jitlesta sal-2030. It-twissija ġejja mir-rapport ta’ informazzjoni ta’ Alberto Mazzola, intitolat Evalwazzjoni tan-Network Trans-Ewropew – linji gwida dwar it-Trasport (TEN-T) 2013-2020, adottat fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju tal-KESE.

L-ostakli ewlenin għat-tlestija tal-proġetti TEN-T jinkludu mhux biss tibdil fil-prijoritajiet politiċi nazzjonali, li jaffettwa proġetti b’sinifikat transkonfinali b’mod partikolari, iżda wkoll oppożizzjoni minn ċittadini u partijiet interessati oħrajn. Dan juri li hemm kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi importanti relatati mal-politika tat-TEN-T fejn il-ħtiġijiet tas-soċjetà ċivili jridu jiġu indirizzati, għaliex huwa biss jekk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu involuti u kkonsultati fi żmien bikri li jkun jista’ jitwettaq segwitu xieraq u jitneħħew l-ostakli għall-implimentazzjoni tal-proġett.

Matul id-dibattitu fil-plenarja, is-Sur Mazzola qal: “Naqsmu d-dubji tal-partijiet interessati dwar jekk in-network ewlieni jista’ jitlesta sal-2030, iżda nqisu li din il-mira hija importanti biex l-Istati Membri jiġu mħeġġa jaħdmu aktar u nemmnu li bosta proġetti transfruntiera ewlenin jistgħu jitlestew sa dik id-data. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-monitoraġġ tal-iżvilupp tal-kurituri u tal-proġetti huma fundamentali għall-implimentazzjoni tal-proġetti bl-aktar mod xieraq. Fejn dan ikun sar fi stadju bikri permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni mifrux b’mod wiesa’, il-proġetti qed jagħmlu progress pjuttost tajjeb, filwaqt li fejn dan ma sarx, dawn qed jiffaċċjaw reżistenza qawwija minn parti mill-popolazzjoni.” (mp)