Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Fis-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Ġunju, il-Grupp ta’ Min Iħaddem ressaq kontroopinjoni biex jesprimi bil-qawwa t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda ta’ Protokoll dwar il-Progress Soċjali li jibdel fundamentalment in-natura u l-funzjonament tal-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE.

Il-proposta tal-KETU għal Protokoll dwar il-Progress Soċjali tintroduċi l-primazija tad-drittijiet soċjali, tax-xogħol u tat-trade unions mhux biss fl-interazzjoni tagħhom mal-libertajiet ekonomiċi, iżda wkoll fir-rigward tas-suq intern, il-kompetizzjoni u kwalunkwe miżura ta’ politika oħra tal-Unjoni, inklużi oqsma bħall-governanza ekonomika, il-kummerċ, id-diġitalizzazzjoni u l-ambjent.

“Li tingħata prijorità ġenerali lid-drittijiet soċjali fuq il-libertajiet ekonomiċi jkun ħażin daqs li tingħata prijorità ġenerali lil-libertajiet ekonomiċi,” qal Stefano Mallia, il-President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem.

Protokoll dwar il-Progress Soċjali jkun fil-fatt jirrikjedi bidla fit-Trattati, u jġib fi tmiemu l-bilanċ eżistenti bejn id-drittijiet soċjali u l-erba’ libertajiet li fuqhom huwa msejjes is-suq intern - bilanċ li attwalment huwa żgurat minn diversi dispożizzjonijiet tat-Tratttati.

“Aktar milli l-UE tfassal Protokoll dwar il-Progress Soċjali li jfixkel il-bilanċ bejn il-libertajiet ekonomiċi u d-drittijiet soċjali u jinterferixxi mal-kompetenzi tal-UE u nazzjonali definiti sew, huwa importanti li jsir progress lejn fehim kondiviż ta’ x’jikkostitwixxi l-valur miżjud tal-UE f’termini ta’ politiki dwar l-impjiegi u dawk soċjali”, qalet Mariya Mincheva, membru tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE, li introduċiet il-Kontropinjoni.

Il-Kontropinjoni tal-Grupp ta' Min Iħaddem tal-KESE, li rċeviet 101 vot favur, 133 kontra u 7 astensjonijiet, tinsab fl-appendiċi tal-Opinjoni tal-KESE.

  • L-Opinjoni SOC/756 dwar “Protokoll dwar il-Progress Soċjali” (il-Kontropinjoni tinsab fl-appendiċi): https://europa.eu/!jdMJ7Q
  • Ara wkoll “Il-KESE jappoġġja t-talbiet biex tingħata prijorità lid-drittijiet soċjali fundamentali fuq il-libertajiet ekonomiċi skont il-liġi tal-UE” (hawn fuq).