Il-KESE talab lill-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-UE biex tmexxi ’l quddiem il-proposta biex il-Protokoll dwar il-Progress Soċjali jsir strument legali vinkolanti biex jgħin fit-tisħiħ u l-preservazzjoni tad-drittijiet soċjali fl-Ewropa.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) esprima l-qbil tiegħu mal-proposti reċenti biex jiġu emendati t-Trattati tal-UE biex jinkludu l-Protokoll dwar il-Progress Soċjali, strument li jagħti prijorità lid-drittijiet soċjali fundamentali fuq il-libertajiet ekonomiċi f’każ ta’ kunflitt u fil-politiki tal-UE. Dan jiżgura ċ-ċertezza legali u trattament ugwali tal-ħaddiema fl-Istati Membri kollha.

F’Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-UE, il-KESE qal li l-Protokoll dwar il-Progress Soċjali jiżgura l-progress soċjali billi jippromovi u jissalvagwardja l-ogħla standards tad-drittijiet soċjali fil-politiki kollha tal-UE u jipprevjeni r-rigress.

L-Opinjoni ġiet adottata fis-sessjoni plenarja tal-KESE tal-15 ta’ Ġunju b’132 vot favur, 102 voti kontra u 7 astensjonijiet. Madankollu, ma rċevietx l-appoġġ tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE, li ressaq kontropinjoni li topponi l-inklużjoni tal-Protokoll dwar il-Progress Soċjali fil-liġi primarja tal-UE. Il-kontropinjoni ġiet irrifjutata iżda rċeviet ’il fuq minn kwart tal-voti mixħuta u għalhekk hija mehmuża mal-Opinjoni ewlenija.

Ir-relatur tal-Opinjoni, Maria del Carmen Barrera Chamorro, qalet: “Il-Protokoll dwar il-Progress Soċjali jirrispetta l-prinċipju li ma jkunx hemm rigress fir-rigward tal-istandards soċjali. Dan jipprevjeni li jiġu adottati politiki li jmorru kontra l-interessi taċ-ċittadini, li huwa dak li ġara bil-politika ta’ awsterità.”

“Issa, aktar minn qatt qabel, irridu nkunu viġilanti biex niżguraw li niddefendu d-drittijiet soċjali u ċiviċi u li dawn jiġu applikati b’mod uniformi fl-UE kollha kemm hi. Dawn għandhom jiġu ttrattati bħala aktar importanti mis-suq ħieles, speċjalment f’każijiet ta’ tilwim,” qal il-korelatur Diego Dutto.

Il-KESE qal li jqis il-Presidenza Spanjola bħala opportunità kbira biex il-proposta titmexxa ’l quddiem. Huwa ħeġġeġ lill-presidenza biex issejjaħ laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Soċjali biex taqbel dwar proposta konġunta u tippjana summit speċifiku tal-UE biex tadottaha.

Il-Protokoll dwar il-Progress Soċjali ġie propost għall-ewwel darba mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) fl-2008 b’reazzjoni għad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja favur il-libertajiet ekonomiċi. Is-sejħa reġgħet ġiet adottata s-sena l-oħra fil-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, bil-Parlament Ewropew jadotta riżoluzzjoni li titlob li l-Protokoll dwar il-Progress Soċjali jiġi inkorporat fit-Trattati tal-UE.

Il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE qal li d-drittijiet soċjali u ekonomiċi għandhom igawdu l-istess livell ta’ protezzjoni u li l-Protokoll dwar il-Progress Soċjali ikun f’periklu serju li jhedded il-bażi nnifisha tal-progress soċjali. (ll)