European Economic
and Social Committee
It-trasport multimodali tal-merkanzija: ejja nagħmluh realtà!
It-trasport tal-merkanzija permezz ta’ kombinazzjoni ta’ transport fuq l-art u bl-ilma se jkun aktar faċli fl-Ewropa ladarba jiġu solvuti l-problemi li jaffettwaw l-intermodalità. Fl-Opinjoni mfassla minn Stefan Back u adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju, il-Kumitat jinnota li n-nuqqas ta’ interoperabbiltà u l-infrastruttura fqira iħallu effett qawwi fuq l-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija integrat, u ħafna drabi dan ma jħalli l-ebda għażla oħra lill-operaturi ħlief li jużaw it-trasport bit-triq. Dan min-naħa tiegħu jħalli effett indirett negattiv fuq l-ambjent.
Huwa u jikkummenta dwar l-adozzjoni tal-Opinjoni, is-Sur Back indika li l-UE teħtieġ approċċ prammatiku u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi minn perspettiva regolatorja: “Jeħtieġ li l-kwistjonijiet pendenti nindirizzawhom b’mod dirett u nsolvuhom malajr. It-trasport multimodali u l-loġistika jridu jkunu effiċjenti u sostenibbli, u mhux aktar għaljin, inqas rapidi u inqas affidabbli, b’mod partikolari, mit-trasport bit-triq unimodali. Soluzzjoni vijabbli fit-tul ma tistax tinbena sempliċiment billi jiġi stabbilit qafas regolatorju ddedikat ġdid jew jiġu injettati riżorsi finanzjarji ġodda.”
Bħalissa, it-trasport multimodali tal-merkanzija huwa nieqes mill-effiċjenza u s-sostenibbiltà. Illum il-ġurnata, il-kombinazzjoni ta’ modi differenti ta’ trasport bl-ilma u fuq l-art tinvolvi spejjeż konsiderevoli minħabba l-ispejjeż tat-trasbord u tat-tranżazzjoni, minbarra żvantaġġi bħall-ħinijiet twal tal-konsenja, il-kumplessità, riskju ogħla u inqas affidabbiltà. Fid-dawl ta’ dan kollu, it-trasport multimodali bħalissa ma tantx huwa attraenti. Sabiex jaqdi r-rwol sħiħ tiegħu fis-sistema tat-trasport, it-trasport multimodali jrid isir kompetittiv fih innifsu u jikseb flussi effiċjenti u mingħajr interruzzjonijiet bl-istess prezz bħat-trasport unimodali. (mp)