European Economic
and Social Committee
IA: filwaqt li 18% tar-riċerkaturi tal-ogħla livell fid-dinja huma Ewropej, fl-Ewropa jaħdmu biss 10%.
Jayant Narayan, mill-Forum Ekonomiku Dinji enfasizza din iċ-ċifra f’dibattitu dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, fejn qal li biex tikkompeti l-Ewropa jeħtieġ li tinvesti f’azzjonijiet għall-perjodu ta' żmien medju sal-perjodu fit-tul biex tinħoloq ekosistema fejn l-IA tista’ tirnexxi.
L-aħħar sessjoni plenarja tal-KESE qabel il-waqfa tas-sajf inkludiet dibattitu dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u l-valuri reali: il-futur diġitali tagħna ma’ Jayant Narayan, uffiċjal ewlieni tal-Global AI Alliance tal-Forum Ekonomiku Dinji.
B’enfasi fuq l-isfidi li qed jiffaċċjaw dawk l-SMEs li qed ifittxu li jintroduċu l-IA, Jayant Narayan enfasizza li filwaqt li kienu qed jibdew ifiġġu soluzzjonijiet ġodda bħall-IA bla kodiċi, li tippermetti lill-kumpaniji u lill-individwi jaħdmu fuq soluzzjonijiet tal-IA mingħajr ma jkollhom impjegati magħhom xjenzjati tad-data bit-taħriġ kollu li jeħtieġu, dawn mhumiex xi soluzzjoni maġika. Jeħtieġ ukoll li jkun hemm fokus fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil fuq l-awtonomizzazzjoni tal-SMEs biex jiżviluppaw il-kapaċità lokali u interna meħtieġa biex jintroduċu l-IA. Huwa f’dan ir-rigward fejn toħroġ l-importanza ta’ aspetti essenzjali bħalma huma l-ħiliet, li, fil-każ tal-IA u x-xjenza tad-data, ma jistgħux jiġu żviluppati mil-lum għall-għada. Il-finanzjament u l-appoġġ għall-innovazzjoni jaqdu rwol ewlieni f’dan il-proċess.
Meta ġie mistoqsi għaliex l-Ewropa kienet għadha lura meta mqabbla mal-Istati Uniti u ċ-Ċina, is-Sur Narayan qal li filwaqt li kien hemm diversi raġunijiet għal dan, l-appoġġ u l-finanzjament mill-gvern kellhom rwol ewlieni, mit-twaqqif ta’ Silicon Valley sal-approvazzjoni bipartiġjana tal-Att reċenti dwar l-Innovazzjoni u l-Kompetizzjoni, li jinvolvi nfiq ta’ USD 250 biljun fuq it-teknoloġija u l-innovazzjoni.
“Dak il-finanzjament joħloq it-tip ta’ suq fejn il-biċċa l-kbira tar-riċerkaturi u x-xjenzjati tad-data tagħkom jispiċċaw imorru wkoll. U din mhijiex soluzzjoni fuq terminu qasir, iżda pjuttost hija perspettiva għall-perjodu ta’ żmien medju sa dak twil biex tinħoloq ekosistema fejn ma tiġġenerax biss valur lokali, iżda tkun int ukoll li jkollok pożizzjoni fuq quddiem”. Huwa kkwota studji reċenti li juru li filwaqt li 18% tax-xjenzati tal-IA tal-ogħla livell fid-dinja huma Ewropej, fl-Ewropa jaħdmu biss 10%.
Is-Sur Narayan indirizza wkoll il-kwistjoni tal-IA u s-soċjetà ċivili u jekk l-iżvilupp tal-IA kienx tabilħaqq għal kulħadd jew kienx pjuttost qed jaqdi l-interessi ta’ ċerti gruppi.
Filwaqt li kkwota studji li juru li bejn 30 u 40% tad-dħul reċenti ta’ Amazon wasal permezz ta’ rakkomandazzjonijiet xprunati mill-IA lill-konsumaturi, is-Sur Narayan enfasizza li l-IA hija tabilħaqq mifruxa ħafna, u li din kienet ir-raġuni għaliex ir-robustezza, l-ispjegabbiltà, il-fiduċja u t-trasparenza huma tant essenzjali. Kien qed isir progress dwar l-ispjegabbiltà u s-sikurezza, iżda permezz ta’ soluzzjonijiet mill-aktar avvanzati li mhux kulħadd jista’ jkun mistenni li jkollu aċċess għalihom.
Filwaqt li ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ prinċipji “disponibbli”, huwa qal li l-akbar tħassib huwa jekk dawn humiex verament qed jiġu implimentati fil-prattika u jekk l-interessi tas-soċjetà ċivili humiex qed jiġu salvagwardjati. Huwa bassar li l-progress fl-implimentazzjoni se jiġi minn taħlita ta’ regolamentazzjoni tas-settur pubbliku u oqfsa tal-industrija. Permezz tad-djalogu bejn l-industrija u r-regolaturi l-affarijiet se jevolvu, possibbilment jilħqu punt fejn l-industrija tibda tieħu azzjoni anke fuq bażi volontarja.