Il-KESE ġedded it-talba tiegħu għal bidla radikali tas-semestru Ewropew, u appella għal regolament tal-UE biex l-involviment tas-soċjetà ċivili fiċ-ċiklu jsir obbligatorju.

F’Opinjoni diskussa u adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ April, il-KESE enfasizza li r-riformi ekonomiċi għandhom ikunu bbażati fuq fatturi soċjali u mhux biss fuq indikaturi ekonomiċi. Huwa enfasizza wkoll li l-proċess tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż irid jiġi rieżaminat ukoll sabiex iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu rwol ta’ tmexxija fl-implimentazzjoni tagħhom.

Is-Semestru Ewropew huwa ċiklu annwali ta’ sitt xhur ta’ koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, soċjali u fiskali bejn l-Istati Membri, u jimmonitorja l-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Għalkemm huwa kellu rwol importanti sa mill-introduzzjoni tiegħu fl-2011, is-Semestru wera wkoll dgħufijiet sinifikanti.

F’din l-Opinjoni, il-KESE ġedded l-appell tiegħu għal riforma tas-Semestru Ewropew għat-tisħiħ tat-trasparenza u tad-demokrazja, tal-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata, u tal-effettività tal-funzjonament tiegħu. Il-KESE jirrakkomanda li:

  • jiġu rieżaminati u kkomplementati s-sistemi eżistenti ta’ indikaturi, u li dawn ikunu konsistenti ma’ xulxin sabiex jittejbu l-proċeduri ta’ evalwazzjoni;
  • li l-kopertura r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, wieħed mill-istrumenti ewlenin tas-Semestru, tiġi estiża għal perjodu ta’ tliet snin, b’evalwazzjonijiet u rieżamijiet annwali, u li l-implimentazzjoni u l-finanzjament tagħhom ikunu marbuta mal-baġit tal-UE, li huwa l-aktar inċentiv adegwat biex tiġi żgurata l-konformita;
  • li jiġu involuti l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili permezz ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni formali u korp speċifiku li jkun inkarigat legalment b’dan il-kompitu. Il-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali eżistenti għandhom jaqdu wkoll rwol rilevanti f’dan il-proċess;
  • għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ regolament tal-UE l-prinċipji u l-karatteristiċi ġenerali tal-involviment strutturat u permanenti tas-soċjetà ċivili organizzata fl-istadji differenti tas-Semestru Ewropew.

Stqarrija għall-Istampa

Test sħiħ tal-Opinjoni (tk)