European Economic
and Social Committee
Ma jistax ikun hemm lok għar-repressjoni tad-djalogu tas-soċjetà ċivili fl-UE
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jadottaw tolleranza żero lejn l-attitudnijiet u l-prattiki tal-Istati Membri li jfixklu l-ħidma tas-soċjetà ċivili u jnaqqsu l-ispazju tagħha fl-Ewropa.
Sabiex jiġu miġġielda dawn l-iżviluppi, il-KESE qed jitlob lill-UE tieħu għadd ta’ miżuri, bħaż-żamma ta’ fondi tal-UE minn pajjiżi li ma jirrispettawx il-valuri tal-UE, sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili fl-istadji kollha tat-tfassil tal-politika u biex tiġi salvagwardjata d-demokrazija parteċipattiva fl-Ewropa.
Fl-Opinjoni Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala gwardjani tal-ġid komuni fl-irkupru ta’ wara l-pandemija, il-KESE ddikjara li s-soċjetà ċivili Ewropea għadha qed tiffaċċja bosta ostakli sostanzjali, minħabba li l-ispazju tagħha tnaqqas drastikament f’xi partijiet tal-UE. Dan minkejja l-fatt li s-soċjetà ċivili kellha rwol ewlieni biex ittaffi l-effetti tal-pandemija u li l-għajnuna tagħha għar-refuġjati Ukreni kienet eżemplari mill-ewwel jum tal-aggressjoni Russa.
“Is-soċjetà ċivili kienet forza mexxejja biex tgħin lis-soċjetà tagħna tgħaddi mill-pandemija tal-COVID-19. U issa, il-kriżi tal-Ukrajna wriet b’mod ċar il-valur u s-sinifikat tas-soċjetà ċivili għad-demokraziji tagħna”, qal ir-relatur tal-Opinjoni, Ioannis Vardakastanis.
Issa li s-soċjetà ċivili dalwaqt se jkollha rwol ewlieni fil-bini mill-effetti devastanti tal-kriżi tal-COVID-19, li se jirrikjedu l-parteċipazzjoni tal-partijiet kollha tas-soċjetà, l-UE trid tiżgura li jkun hemm djalogu bejn is-soċjetà ċivili u dawk li jfasslu l-politika, peress li n-nuqqas ta’ tali djalogu huwa wieħed mill-ostakli ewlenin li qed tiffaċċja s-soċjetà ċivili tal-Ewropa fil-livelli kollha.
Ostaklu ieħor huwa n-nuqqas ta’ involviment sinifikanti tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet b’rabta ma’ politiki u leġiżlazzjoni importanti.
Fil-fehma tal-KESE, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jadottaw “tolleranza żero” għal dawn l-attitudnijiet u għandhom jirreaġixxu “b’mod qawwi u mingħajr kompromess”, peress li l-inklużjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-tfassil tal-politika hija inseparabbli mill-valuri tal-UE u t-Trattati tal-UE. Biex jiġu eliminati prattiki bħal dawn, għandhom jiġu stabbiliti regolamenti legali fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali.
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jingħataw appoġġ finanzjarju u tekniku mill-UE, l-awtoritajiet lokali u nazzjonali biex jiżviluppaw ir-rwoli tagħhom, iżda mingħajr ma jikkompromettu l-indipendenza tagħhom. (ll)