European Economic
and Social Committee
Ir-Regolament TEN-T il-ġdid huwa kruċjali għas-sostenibbiltà u l-mobbiltà intelliġenti tal-Ewropa
Il-proposta għall-aġġornament tar-Regolament dwar in-Networks Trans-Ewropej tat-Trasport hija neċessarja u pożitiva, jekk l-UE verament trid tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà u għall-mobbiltà intelliġenti, inkluż permezz tal-ferroviji. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Opinjoni dwar ir-Reviżjoni tar-Regolament dwar it-TEN-T u l-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Marzu.
Ir-Regolament il-ġdid se jaġġorna l-qafas regolatorju eżistenti li jmur lura għall-2013 u se jgħin biex, f’termini ta’ infrastruttura, jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku, fl-Istrateġija Komprensiva għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti u fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ferroviji.
Huwa u jitkellem dwar l-adozzjoni tal-Opinjoni, is-Sur Back qal:Kien wasal iż-żmien li jiġi propost regolament ġdid li jqis il-kuntest ta’ politika attwali u jikkapitalizza fuq it-tagħlimiet misluta f’dawn l-aħħar ftit snin. Il-pjan li jissaħħu r-regoli dwar l-implimentazzjoni tat-TEN-T huwa aħbar tajba ħafna, għaliex it-tnedija tar-regolament attwali intlaqtet minn dewmien sinifikanti u ma kinitx sodisfaċenti.
Il-Kumitat japprezza b’mod partikolari l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tqiegħed il-koeżjoni fil-qalba tal-proposta. Dan ifisser li meta jiġi implimentat in-network se jiġu żgurati l-aċċessibbiltà u l-konnettività fir-reġjuni kollha tal-UE kemm għat-traffiku tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija. Barra minn hekk, ir-regolament il-ġdid għandu jwassal ukoll għal koordinazzjoni u interkonnessjoni effiċjenti bejn, minn naħa, it-traffiku fuq distanzi twal, reġjonali u lokali u, min-naħa l-oħra, it-trasport fin-nodi urbani.
Mil-lat tekniku, il-KESE huwa favur armonizzazzjoni dejjem akbar tar-rekwiżiti tal-infrastruttura tan-networks ewlenin u komprensivi u tal-istabbiliment ta’ passi ewlenin: l-implimentazzjoni tan-network ewlieni sal-2030, tan-network ewlieni estiż sal-2040 u tan-network komprensiv sal-2050. Fir-rigward tal-iskadenza tal-2030, il-KESE jtenni d-dubji tiegħu dwar il-fattibbiltà espressi fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2020 tiegħu, iżda jikkunsidra li l-iskadenza għandha tinżamm biex issir pressjoni fuq l-Istati Membri. (mp)