Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew nieda l-prijoritajiet politiċi tiegħu għall-2023 u lil hinn.  F’dokument intitolat “Nixprunaw il-Prosperità għal Kulħadd: Aġenda dwar il-Kompetittività għall-UE”, il-Grupp ippreżenta għadd ta’ azzjonijiet meħtieġa biex tiġi restawrata l-fiduċja tan-negozji u biex ikun hemm prosperità għal kulħadd.

“In-negozji jagħtu ben komuni ta’ kuljum. Huma parti integrali mis-soċjetà u għandhom rwol ċentrali fil-ħolqien tal-impjiegi, u jipprovdu oġġetti u servizzi sostenibbli li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, anke fi żminijiet ta’ kriżi”, qal Stefano Mallia, il-President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem. “Iżda biex niżguraw li n-negozji jkomplu jagħmlu differenza, għandna bżonn aġenda dwar il-kompetittività għall-UE ”.

Id-dokument tal-Grupp jiddeskrivi perkors ekonomiku u industrijali ġdid li japplika għan-negozji kollha (l-industrija, is-servizzi u l-agrikoltura).  Abbażi ta’ żewġ pilastri, il-ħolqien ta’ ben komuni u l-iffukar fuq il-kundizzjonijiet essenzjali, il-prijoritajiet tal-Grupp ta’ Min Iħaddem jikkonċernaw tliet oqsma ta’ azzjoni.

L-ewwel qasam jikkonċerna l-aċċess għal riżorsi bażiċi ta’ produzzjoni bi prezzijiet kompettitivi. Dan japplika bl-istess mod għall-enerġija, il-materja prima, il-ħaddiema, il-kapital u d-data. Dan ifisser it-titjib tal-kundizzjonijiet għall-produzzjoni domestika tal-enerġija u tal-materja prima u għall-bini ta’ ekosistemi reżiljenti u d-diversifikazzjoni ta’ fornituri barranin, kif ukoll l-iżgurar tad-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet adegwati billi jiġu ffaċilitati l-mobbiltà u l-migrazzjoni ekonomika, u billi jiġu stabbiliti sistemi effettivi ta’ tagħlim tul il-ħajja li jantiċipaw il-bidla.

It-tieni qasam ta’ azzjoni huwa t-tisħiħ tas-swieq miftuħa b’regoli ugwali. Hija u tibni fuq il-benefiċċji u l-progress li sar matul l-aħħar 30 sena tas-suq uniku, l-UE trid tidentifika b’mod persistenti u deċiżiv l-ostakli għas-suq u teliminahom b’mod sistematiku, u trid tevita wkoll il-ħolqien ta’ ostakli ġodda. L-Istati Membri jridu jsegwu regoli komuni u jevitaw il-gold-plating u regolamenti nazzjonali ġodda li jmorru kontra r-regoli tal-UE, biex jevitaw il-frammentazzjoni tas-suq u t-telf tal-ekonomiji ta’ skala.

It-tielet qasam ta’ azzjoni jikkonċerna l-iżgurar ta’ regolamentazzjoni u tassazzjoni favur in-negozju. In-negozji jeħtieġu qafas ta’ politika li jrawwem l-intraprenditorija u jħeġġeġ lill-intrapriżi biex jinnovaw, jinvestu u jinnegozjaw. Dan ir-rekwiżit japplika bl-istess mod għar-regolamentazzjoni, it-tassazzjoni u l-allokazzjoni tal-finanzjament pubbliku. L-inkorporazzjoni ta’ “kontroll tal-kompetittività”, li aħna l-impjegaturi ilna nitolbu għaliha għal dawn l-aħħar sentejn, hija parti mis-soluzzjoni. Apparti minn hekk, l-aċċellarazzjoni tal-proċeduri tal-permessi tevita r-rilokazzjoni u tħaffef it-tnedija tal-kompetittività.

Biex taqra u tniżżel id-dokument kollu, agħfas hawn.