F’dibattitu fis-sessjoni plenarja tal-KESE fil-25 ta’ Marzu, il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea għal Ekonomija għas-Servizz tan-Nies, Valdis Dombrovskis, qal li l-biċċa l-kbira tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza kienu għadhom fi stadju bikri u li “għad hemm ħafna xi jsir qabel ma l-pjani jkunu maturi biżżejjed”. Huwa nnota wkoll li l-politika kummerċjali għandha rwol ewlieni x’taqdi biex l-ekonomija tal-UE terġa’ taqbad it-triq it-tajba.

Il-President tal-KESE, Christa Schweng, hija u tiftaħ id-dibattitu qalet li l-UE u l-Istati Membri tagħha rrispondew għall-kriżi malajr u b’mod enerġetiku, u l-KESE issa qed jistenna l-implimentazzjoni rapida u effiċjenti tan-NextGenerationEU u tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Hija rreferiet ukoll għat-talba tal-KESE għal qafas ta’ governanza ekonomika li jiffaċilita l-irkupru ekonomiku, li jkun iffukat fuq il-prosperità, u jirrifletti r-realtà ekonomika attwali ta’ wara l-kriżi. Il-KESE jinsab lest jiddiskuti r-rieżami tal-governanza ekonomika u ssuġġerixxa li titnieda konferenza tal-partijiet interessati li tkun koospitata mill-KESE u l-Kummissjoni.

Fir-rigward tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, is-Sur Dombrovskis spjega li 23 mis-27 Stati Membri infurmaw lill-Kummissjoni dwar x’beħsiebhom jinkludu fihom. “Madankollu, filwaqt li l-ħeffa hija importanti biex il-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jiċċirkolaw malajr kemm jista’ jkun, dak li huwa l-aktar importanti huwa l-kwalità”. Huwa wissa li kien għad fadal ħafna xi jsir qabel il-pjani jkunu maturi biżżejjed biex jiġu sottomessi u approvati. Huwa indika li għad hemm xi jsir fi tliet oqsma ewlenin: is-sistemi tal-awditjar u tal-iċċekkjar; stimi kredibbli tal-ispejjeż u traċċar tal-infiq klimatiku u diġitali; u r-rispett tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”.

Huwa żied jgħid li l-implimentazzjoni tal-pjani għandha tkun appoġġjata f’kull stadju mill-imsieħba soċjali u s-soċejtà ċivili. Huwa rringrazzja lill-KESE talli wettaq eżerċizzju ta’ rendikont f’waqtu u rilevanti permezz tar-Riżoluzzjoni tiegħu dwar L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali, is-Sinjura Schweng qalet li sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, kif ukoll ambjent kummerċjali internazzjonali miftuħ, ġust, inklużiv u prevedibbli jeħtieġ li jkomplu jkunu prinċipju gwida għall-Unjoni Ewropea. Il-KESE huwa ħerqan li jikkontribwixxi għal din l-analiżi, li se tidentifika l-aħjar prattiki f'dan il-qasam, f’Opinjoni fuq inizjattiva proprja li għandha tiġi adottata sa Settembru.

Fl-aħħar, is-Sinjura Schweng qalet li l-KESE jittama li l-UE tkun tista’ tispira kooperazzjoni ġdida u aktar konsistenza bejn l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ u l-investiment, ix-xogħol deċenti, id-drittijiet soċjali u tal-bniedem, u t-tibdil fil-klima.

Is-Sur Dombrovskis qabel li t-tweġiba t-tajba għall-mistoqsija ta’ kif nappoġġjaw l-irkupru tagħna u niżguraw il-prosperità tal-Ewropa hija billi nkomplu l-kummerċ mal-imsieħba globali tagħna. Fir-rigward tar-riforma istituzzjonali tad-WTO, huwa qal li l-għan tal-Kummissjoni huwa li tirriformula d-WTO bħala forum biex jiġu indirizzati l-aktar problemi urġenti tad-dinja tal-lum, bħall-indirizzar tal-impatt tal-COVID-19, l-appoġġ għas-sostenibbiltà ambjentali u soċjali, l-aġġornament tar-regoli għall-kummerċ diġitali, u l-indirizzar ta’ prattiki kummerċjali inġusti. (na)