European Economic
and Social Committee
Żona Ewropea tar-Riċerka: il-KESE jfaħħar il-bidla radikali tagħha bħala Patt Ġdid vera għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Ewropa
Permezz tal-pjan ta’ azzjoni ġdid, il-Kummissjoni Ewropea turi li hija determinata li timpedixxi li l-Ewropa toħroġ telliefa fil-konfront tal-Istati Uniti u l-Asja kemm fir-riċerka bażika kif ukoll dik applikata, fil-privattivi u fil-prodotti u s-servizzi tat-teknoloġija avvanzata, jgħid il-KESE f’rapport adottat fil-plenarja ta’ Marzu.
L-aktar element b’saħħtu tal-proposta l-ġdida taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) huwa l-enfasi tagħha fuq proċess rapidu li permezz tiegħu r-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni jissarfu f’negozji u impjiegi sostenibbli, jenfasizza l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE).
“Huwa assolutament neċessarju li ż-ŻER l-ġdida ma tkunx sempliċiment verżjoni ġdida tal-istess ħaġa”, itenni r-relatur tal-Opinjoni Paul Rübig. “Dan il-Patt il-Ġdid se jagħti spinta lill-impatt tar-riċerka u l-innovazzjoni fi żmien meta l-innovazzjoni se tkun deċiżiva, mhux biss għall-ekonomija tal-Ewropa milquta mill-COVID, iżda wkoll għas-sopravivenza tal-pjaneta”.
Meta mqabbel mal-Istati Uniti u l-Asja, ir-riċerka Ewropea mxiet b’pass aktar kajman biex tikkonverti r-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp fi prodotti u servizzi innovattivi. L-Ewropa għadha lura meta mqabbla mal-Asja fil-prestazzjoni tal-privattivi (fl-2019, l-Asja ppreżentat 65 % tal-applikazzjonijiet globali għal privattivi, mentri l-Ewropa ppreżentat biss 11,3 %), u speċjalment fin-negozji tas-servizzi diġitali u l-innovazzjonijiet li jagħtu spinta lit-teknoloġija (technology-push innovations), jiġifieri prodotti ġodda xprunati mir-riċerka u l-iżvilupp f’teknoloġija ġdida. B’mod aktar ġenerali, matul dawn l-aħħar 20 sena, l-Asja, speċjalment iċ-Ċina u l-Korea, tejbet bil-kbir il-prestazzjoni tar-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni tagħha. Iż-ŻER il-ġdida għandha tgħin lill-Ewropa tirkupra permezz ta’ investimenti u aktar mobbiltà.
Filwaqt li jappoġġja l-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni, il-KESE jindika ħames setturi ewlenin li ma ġewx inklużi fil-lista ta’ teknoloġiji diġitali strateġiċi, iżda li huma vitali għall-prosperità tal-Ewropa:
- il-mudelli kummerċjali diġitali;
- it-teknoloġiji ta’ manifattura tal-prodotti u tal-ikel;
- ir-riċerka klinika u s-settur tal-farmaċewtiku u tal-bijoteknoloġija;
- it-teknoloġiji tal-ispazju;
- l-ilma nadif u s-sanità.
Punt ewlieni ieħor li jagħmel il-KESE fl-Opinjoni tiegħu huwa l-ħtieġa li jkun hemm bilanċ bejn l-eċċellenza u r-rapidità tat-trasferiment tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp fi prodotti u servizzi innovattivi. Għall-impriżi r-rapidità hija essenzjali, filwaqt li x-xjentisti jaspiraw li jilħqu l-eċċellenza u jitolbu aktar ħin u flus għar-riċerka u l-innovazzjoni. Il-politika tar-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni tal-Kummissjoni għandha tirrikonċilja dawn iż-żewġ tendenzi. (dm)