Iż-żoni rurali għandhom isiru aktar attraenti għaż-żgħażagħ u n-negozji. Dan itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej kollha, u jippermettilhom jagħżlu fejn iridu jgħixu u jaħdmu. Din kienet waħda mill-konklużjonijiet ewlenin mid-dibattitu intitolat Lejn strateġija olistika dwar l-iżvilupp rurali u urban sostenibbli, li sar fil-KESE fit-8 ta’ Marzu.

L-iżvilupp fiż-żoni rurali u urbani tal-Ewropa mhux iseħħ bl-istess mod. Huwa kruċjali li jitrawmu politiki li jrażżnu din it-tendenza, jiżguraw tranżizzjoni ġusta u sostenibbli lejn ekonomija tal-benesseri fl-oqsma kollha u jiġi promoss il-bilanċ mill-ġdid tal-popolazzjoni. B’mod partikolari, iż-żoni rural, li jaqdu rwol kritiku fil-koeżjoni ekonomika u soċjali, fir-reżiljenza tar-reġjuni, u fil-kontribut ta’ servizzi innumerabbli mid-diversi ekosistemi lokali, inkluża l-produzzjoni tal-ikel, għandhom isiru aktar attraenti għaż-żgħażagħ u n-negozji.

Peter Schmidt, President tas-Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent (NAT) tal-KESE, qal: “L-irkupru ta’ wara l-COVID joffri l-opportunità perfetta sabiex jitħejjew strateġiji li jiżguraw li l-ebda żona jew ċittadin jitħalla jibqa’ lura fit-tranżizzjoni ġusta għal Unjoni Ewropea prosperuża, sostenibbli u newtrali għall-klima.”

“Issa li l-UE approvat pakkett kuraġġuż għall-irkupru, meta jiġu allokati l-fondi jridu jitqiesu d-distakki bejn it-territorji tal-UE,” iddikjara Stefano Palmieri, membru tal-KESE u President tas-Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali tal-KESE.

Deša Srsen, mill-uffċċju tal-Viċi President tal-Kummissjoni Dubravka Šuica, enfasizzat: “L-ambizzjoni tagħna hija li nagħtu impetu liż-żoni rurali permezz tal-Viżjoni Rurali fit-Tul, li l-Kumissjoni qed tipprepara u li għandha tiġi adottata f’Ġunju.”

Josep Puxeu Rocamora, relatur għall-Opinjoni tal-KESE dwar Approċċ integrat għar-reġjuni vulnerabbli tal-UE, enfasizza li l-integrazzjoni taż-żoni rurali u vulnerabbli kienet kumplessa ħafna, peress li tolqot kull politika eżistenti tal-UE. “Biex niżviluppaw dawn iż-żoni, nipproponu ‘kuntratt territorjali’ li għandu jkun parteċipattiv, adattat għall-karatteristiċi tat-territorji u jippreserva l-wirt storiku, kulturali u naturali tagħhom.” (mr)