KESEInfo jistaqsi: Xi rwol għandu jkollhom iż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni ekoloġika?

Nicoletta Merlo: Iż-żgħażagħ jistgħu u jeħtiġilhom ikollhom rwol kruċjali fit-tranżizzjoni ekoloġika għal mill-inqas żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, tajjeb li niftakru li d-deċiżjonijiet li l-mexxejja politiċi jieħdu llum dwar it-tibdil fil-klima u l-kwistjonijiet ambjentali se jaffettwaw fuq kollox liż-żgħażagħ u lill-ġenerazzjonijiet futuri, li għalhekk għandhom id-dritt li jsemmgħu leħinhom.

Aspett sinifikanti ieħor li għandu jitqies huwa li l-ġenerazzjoni żagħżugħa hija l-aktar sensittiva għall-isfida tat-tranżizzjoni ekoloġika u konxja tal-ħtieġa li nilqgħuha u li naġixxu biex niksbu s-sostenibbiltà ambjentali. F’dawn l-aħħar snin, l-azzjoni klimatika mmobilizzat għadd kbir ta’ żgħażagħ fl-Ewropa. Fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew nibtu għadd ta’ movimenti ambjentali u soċjali magħmula minn żgħażagħ, li organizzaw dimostrazzjonijiet u talbu lill-gvernijiet u lil dawk li jfasslu l-politika biex jieħdu miżuri tanġibbli favur il-protezzjoni tal-ambjent u l-kisba tan-newtralità klimatika.

Għalkemm ir-rwol taż-żgħażagħ fil-bini ta’ dinja aktar sostenibbli, inklużiva u ekoloġika qed jiġi rikonoxxut dejjem aktar, u l-2022 ġiet iddikjarata bħala s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, huwa ċar li ż-żgħażagħ għadhom isibuha diffiċli biex isemmgħu leħinhom u jsibu posthom fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet – mhux biss fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika.

Fil-fehma tiegħi, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom jingħataw l-opportunità li jsemmgħu leħinhom fi ħdan l-istituzzjonijiet b’mod sistematiku u strutturat, mhux biss darba kultant, sabiex ikunu jistgħu jagħtu kontribut kwalifikat u sinifikattiv għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livelli kollha, u jkunu jistgħu jimplimentaw ideat u proġetti relatati mas-sostenibbiltà ambjentali.

Sabiex dan ikun jista’ jsir, l-istituzzjonijiet għandhom l-ewwel u qabel kollox jadottaw Test taż-Żgħażagħ, jipprovdu appoġġ finanzjarju adegwat (u strutturali) lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, u jwettqu valutazzjonijiet sistematiċi tal-impatti ekonomiċi, politiċi u soċjali tal-investimenti fil-ġenerazzjoni żagħżugħa, biex b’hekk jagħtu liż-żgħażagħ idea ċara ta’ kif u sa liema punt il-politiki pubbliċi jaffettaw ħajjithom.

Żewġ aspetti ewlenin oħra li jeħtieġ li jiġu indirizzati b’rabta mar-rwol taż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni ekoloġika huma l-edukazzjoni u l-impjieg.

F’kuntest ta’ emerġenza klimatika u ambjentali, l-edukazzjoni dwar is-sostenibbiltà għandha ssir prijorità għall-iskejjel. L-edukazzjoni tat-tfal dwar is-sostenibbiltà u l-protezzjoni ambjentali għandha tibda mill-iżgħar età u tkompli tul il-perkors skolastiku kollu. Huwa meħtieġ approċċ transsettorjali, li jipprovdi ħiliet teoretiċi u prattiċi, inkluż permezz ta’ perkorsi mill-iskola għax-xogħol u apprendistati vokazzjonali. It-tagħlim tul il-ħajja huwa wkoll importanti, peress li s-suċċess tat-tranżizzjoni ekoloġika se jiddependi wkoll mill-kapaċità tal-iskejjel li jikkollaboraw mal-awtoritajiet lokali u fir-rigward ta’ attivitajiet barra mill-iskola, speċjalment mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u mas-soċjetà ċivili organizzata, sabiex iżidu s-sensibilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

L-2023 ġiet iddikjarata bħala s-Sena Ewropea tal-Ħiliet, u mingħajr ħiliet ma sseħħ l-ebda tranżizzjoni. Huwa kruċjali li ż-żgħażagħ jiġu mgħammra bil-ħiliet biex jaħkmu l-innovazzjoni li se tirriżulta mit-tranżizzjoni ekoloġika, li inevitabbilment qed ikollha u se tkompli jkollha impatt sinifikanti fuq id-dinja tax-xogħol. Għaldaqstant, jeħtieġ li jsir investiment fi prattiki ta’ taħriġ u tagħlim li jseħħu f’kuntesti tax-xogħol, b’mod partikolari fil-forma ta’ apprendistati u traineeships.

It-tranżizzjoni ekoloġika trid tkun tranżizzjoni ġusta, li tiżgura taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet għall-ħaddiema u impjiegi ta’ kwalità għal kulħadd, u li jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Għalhekk huwa essenzjali li l-politiki ta’ taħriġ jiġu integrati mal-politiki industrijali, ikkoordinati ma’ strateġiji oħra ta’ żvilupp, u ppjanati fid-dettall fil-livell reġjonali u lokali, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali.

Fl-aħħar nett, l-innovazzjoni hija kruċjali għas-suċċess tat-tranżizzjoni ekoloġika. Għalhekk, aspett ewlieni fil-kisba tal-objettivi stabbiliti huwa li ż-żgħażagħ b’ħiliet intraprenditorjali jiġu mħeġġa jissieħbu fil-proċess ta’ innovazzjoni bl-użu ta’ taħriġ speċifiku u appoġġ għal proġetti innovattivi, kif ukoll billi jiġi żgurat appoġġ finanzjarju adegwat.