European Economic
and Social Committee
Patt dwar l-anzjani għall-Ewropa: l-UE u l-Istati Membri għandhom jiżguraw kura fit-tul ta' kwalità
Skont rapport tal-KESE s-sitwazzjoni fis-settur tal-kura tas-saħħa “live-in” (ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu) mhijiex sostenibbli, fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawk li jaħdmu fis-settur tal-kura huma daqs li qed jiġu sfruttati u dawk li jirċievu l-kura jinsabu f’diffikultà biex isibu kura affordabbli u ta’ kwalità. Din is-sitwazzjoni tfaċċat minħabba nuqqas ta’ appoġġ mill-Istat għall-industrija tal-kura u hija prodott ta’ negliġenza politika.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ppubblika rapport dwar il-futur fl-Ewropa tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in” li jidentifika l-ħtieġa urġenti għal involviment aktar b’saħħtu min-naħa tal-Istat u azzjoni effettiva fil-livell nazzjonali u Ewropew biex tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni prekarja kemm ta’ kemm dawk li jipprovdu l-kura kif ukoll tal-benefiċjarji f’dan is-settur li qed jespandi b’rata mgħaġġla.
Skont ir-rapport, minħabba li d-domanda għas-servizzi tal-kura tas-saħħa fit-tul u “live-in” qed dejjem tikber b’riżultat tat-tibdil demografiku, it-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea u ż-żieda fil-bżonnijiet relatati ma’ kundizzjonijiet tas-saħħa kroniċi, l-Istat mhux biss se jkollu jinvesti ħafna fl-ekonomija tal-kura biex jipprovdi sussidji għaliha fil-futur qarib, imma se jkollu wkoll rwol kruċjali fir-regolazzjoni u l-professionalizzazzjoni tal-ħidma fis-settur tal-kura.
Filwaqt li jiddefinixxi lil dawk li jipprovdu l-kura “live-in” bħala ħaddiema impjegati biex jipprovdu servizzi ta’ kura lil persuni aktar anzjani jew b’diżabbiltà li jgħixu f’residenzi privati bħala benefiċjari tal-kura, ir-rapport jippreżenta sommarji taż-żjarat tal-pajjiż li l-KESE wettaq fir-Renju Unit, il-Ġermaja, l-Italja u l-Polonja, li ntgħażlu abbażi tal-fatt li huma kemm pajjiżi ta’ oriġini kif ukoll destinazzjoni tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”.
Iż-żjarat tal-pajjiż u r-rapport huma segwitu għall-Opinjoni tal-KESE tal-2016 dwar "Id-drittijiet tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu", l-ewwel dokument ta’ politika fil-livell tal-UE li jindirizza l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
"In-nies li tkellimna magħhom – kemm jekk kienu jirrappreżentaw ħaddiema, impjegaturi jew benfiċjarji tal-kura – esprimew l-istess kritika dwar il-problemi strutturali tal-kura tas-saħħa “live-in”. L-akbar kritika tagħhom kienet li din tiffunzjona permezz tal-isfruttar ta’ nisa migranti u mobbli, u li s-sitwazzjoni mhux biss mhijiex etika u tal-mistħija iżda wkoll mhix sostenibbli, "qal il-membru tal-KESE Dr Adam Rogalewski, ko-awtur tar-rapport flimkien mar-riċerkatur ibbażat f’Cambridge Karol Florek .
Ir-rapport sħiħ huwa disponibbli minn here. (ll)