Minn Stefano Mallia, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Il-proposta tal-Kummissjoni mhijiex kompluta u jeħtieġ li tkun parti minn viżjoni fit-tul għal Aġenda għall-Kompetittività.

Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-ewwel tweġiba għall-pakkett bla preċedent dwar il-klima tal-President tal-Istati Uniti Joe Biden, l-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni (IRA), li jappoġġja l-industrija Amerikana permezz ta’ rekord ta’ USD 369 biljun f’sussidji. Il-proposta twieġeb għal ħafna aspettattivi – qafas regolatorju prevedibbli, aċċess għall-finanzjament, forza tax-xogħol b’ħiliet adegwati u aġenda kummerċjali miftuħa. Madankollu, wara valutazzjoni primarja, l-impjegaturi tal-UE jaqblu li din hija pjuttost ħidma li għadha mhijiex kompluta jekk irridu niksbu kompetittività fit-tul.

L-ewwel u qabel kollox, ma rridux ninsew il-parti l-oħra tat-tranżizzjoni ekoloġika: it-tranżizzjoni diġitali.

It-tieni, jeħtieġ li jiġi rrimarkat li s-sussidji waħedhom mhumiex biżżejjed. Il-problema reali li toħloq l-IRA mhijiex biss l-ammont ta’ sussidji, li fil-fatt huma inqas minn dak li joffru l-baġit u l-fondi differenti tal-UE, iżda pjuttost it-taħlita ta’ sussidji u prezzijiet baxxi tal-enerġija fl-Istati Uniti. Huma dawn it-tnejn flimkien li jagħmlu l-IRA pakkett problematiku għall-Ewropa. Flimkien ma’ din it-taħlita hemm il-produttività relattivament baxxa tal-industriji tal-UE, u tabilħaqq qed niffaċċjaw sitwazzjoni perikoluża ħafna għall-ekonomija Ewropea. Is-sussidji diġà qasmu lill-pajjiżi tal-UE u li fl-aħħar se jwasslu għall-frammentazzjonijiet tas-suq uniku, kompetizzjoni dannuża, u se jdgħajfu l-iżvilupp reġjonali.

It-tielet, il-pjan tal-Kummissjoni jidher li huwa bbażat fuq approċċ antikwat li jikkonsisti li ssir għażla tat-temi li se jkunu ta’ suċċess (“pick the winner” approach). Dan l-approċċ jagħti ħjiel ta’ xenarju li fih dawk li jfasslu l-politka jistabbilixxu miri għall-kapaċità industrijali, abbażi ta’ analiżi speċifika għas-settur, iqisu l-ktajjen tal-provvista u tal-valur kollha, għalhekk jiddeterminaw liema negozji għandhom jiffavorixxu sabiex jingħataw appoġġ regolatorju u finanzjarju. It-terminu “settur teknoloġija nadifa” diġà huwa arbitrarju, peress li t-tranżizzjoni ekoloġika se sseħħ fis-setturi kollha u f’kull tip ta’ negozju.

Kulħadd jaf il-problema vera x’inhi: il-kompettività. Hemm ħtieġa urġenti li nerġgħu nkunu kompetittivi u t-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ekoloġika tipprovdilna opportunità bħal din. Iżda l-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi għandhom isiru stil ta’ ħajja u għandhom ikunu ċentrali għat-tfassil tal-politika tagħna. Huwa għalhekk li l-impjegaturi tal-UE qed jippromovu Aġenda għall-Kompetittività.