Għall-ewwel darba mill-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit, Michel Barnier, il-Kap tat-Task Force tal-Kummissjoni Ewropea għar-Relazzjonijiet mar-Renju Unit, esprima l-fehmiet tiegħu pubblikament dwar it-test matul dibattitu fis-sessjoni plenarja ta’ Jannar tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Fid-diskors tiegħu, is-Sur Barnier enfasizza li ma kien hemm xejn pożittiv dwar il-Brexit: “Dan huwa divorzju, u ħadd ma għandu jkun kuntent wara divorzju. Iżda dan il-ftehim li lħaqna mar-Renju Unit juri li l-UE mhijiex ħabs, kif iriduna nemmnu xi demagogi fuq il-lemin u x-xellug; nistgħu noħorġu minnha, iżda dawk li jixtiequ joħorġu jridu jiffaċċjaw il-konsegwenzi fil-forma ta’ distorsjonijiet u turbulenzi”.

L-għan tal-ftehim kien li jiġu regolarizzati l-aspetti ekonomiċi u dawk relatati mal-kummerċ tar-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-Brexit, bl-għarfien li dan ma kienx punt ta’ tmiem: “Mhux talli se jkun meħtieġ li niżguraw l-implimentazzjoni xierqa ta’ dan il-ftehim, iżda ċertament se jkollu jiġi ssupplimentat fil-futur għal ċerti temi li r-Renju Unit ma riedx jinkludi din id-darba, bħad-difiża jew il-politika barranija”.

Is-Sur Barnier enfasizza wkoll li l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea ma ntemmitx: il-Kummissjoni se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim u żżomm ħarsa mill-qrib fuq kwalunkwe proposta min-naħa tar-Renju Unit li tista’ tirriżulta f’diverġenza regolatorja.

Il-President tal-KESE Christa Schweng irringrazzjat lis-Sur Barnier għall-ħidma tiegħu matul in-negozjati dwar il-Brexit u għat-“trasparenza eżemplari tiegħu u għaż-żmien li ntuża biex iżżomm lis-soċjetà ċivili infurmata matul il-proċess tan-negozjati”, billi is-Sur Barnier ta ħames diskorsi differenti fid-dibattiti plenarji tal-KESE.

Jack O’Connor, il-President tal-Grupp ta’ Segwitu tal-KESE dwar il-Brexit, faħħar il-mod li bih is-Sur Barnier indirizza s-sitwazzjoni fl-Irlanda matul in-negozjati tal-Brexit u fakkar l-impenn tal-KESE u tal-Grupp ta’ Segwitu tiegħu dwar il-Brexit biex jaqdu r-rwol tagħhom ħalli jottimizzaw il-potenzjal ta’ dan il-ftehim, b’mod partikolari fir-rigward tas-soċjetà ċivili tar-Renju Unit. (dgf)