Il-COVID-19 wasslet għal żieda sinifikanti fil-qgħad fost iż-żgħażagħ f’bosta Stati Membri, b’żieda fl-għadd ta’ żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs). F’Opinjoni fuq inizjattiva proprja, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) isostni li l-pjani nazzjonali ta’ rkupru jirrappreżentaw opportunità biex tinbidel ix-xejra u jiġi żgurat xogħol deċenti għaż-żgħażagħ Ewropej kollha.

“Il-pjani nazzjonali ta’ rkupru huma ta’ opportunità unika li jeħtieġ li tinħataf permezz ta’ governanza inklużiva u bi djalogu miftuħ u trasparenti”, qalet ir-relatur tal-Opinjoni Nicoletta Merlo.

Is-Sinjura Merlo esprimiet dispjaċir li ma kienx hemm “konsultazzjoni sinifikanti mal-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jew mas-soċjetà ċivili organizzata” matul it-tħejjija tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru, u hija qalet li l-KESE appella sabiex dawn il-partijiet ikkonċernati jiġu involuti fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ dawn il-pjani.

“B’dan il-mod nistgħu nissalvagwardjaw id-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali, li huwa essenzjali sabiex niżguraw li l-fondi pubbliċi jintefqu sew sabiex ikollna rkupru inklużiv. Nixtiequ li l-Istati Membri jiżviluppaw xogħlijiet ta’ kwalità u servizzi inklużivi għaż-żgħażagħ, u b’mod partikolari dawk b’diżabbiltajiet u dawk li huma vulnerabbli għal raġunijiet differenti”, enfasizzat is-Sinjura Merlo.

Il-pjani għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għat-titjib tal-ħiliet taż-żgħażagħ li għandhom dan il-bżonn, u jagħmlu enfasi fuq il-kuntratti ta’ impjieg indefiniti u kundizzjonijiet ta’ xogħol deċenti li jillimitaw ir-riskju ta’ bosta żgħażagħ li jispiċċaw f’impjieg prekarju, kif qed jiġri ta’ spiss.

Skont iċ-ċifri reċenti tal-Eurostat, persuna minn kull sitta li huma taħt it-30 sena jitilfu xogħolhom minħabba l-konsegwenzi ekonomiċi tal-COVID-19. Huwa partikolarment ta’ tħassib l-għadd dejjem jikber ta’ NEETs li s-sitwazzjoni tagħhom qiegħda tmur dejjem aktar għall-agħar minħabba tluq bikri mill-iskola, in-nuqqas ta’ gwida adegwata, it-telf ta’ impjiegi u n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ impjieg.

Mod wieħed kif iż-żgħażagħ jitwaqqfu milli ma jkomplux jistudjaw huwa li jiġu promossi traineeships ta’ kwalità, li jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ jintegraw ruħhom b’mod aktar faċli fis-swieq tax-xogħol. Għal din ir-raġuni, il-KESE jappella għal projbizzjoni fuq internships mingħajr ħlas u għal remunerazzjoni deċenti għat-trainees kollha. (ll)