European Economic
and Social Committee
Il-KESE jilqa’ l-attivista prominenti Irlandiża tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà Sinéad Burke
Fit-2 ta’ Diċembru, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ospita dibattitu mal-kittieba Irlandiża u attivista tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà Sinéad Burke fis-sessjoni plenarja tiegħu ddedikata għall-awtonomizzazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà u l-inklużjoni tagħhom fl-isferi kollha tal-ħajja ekonomika, soċjali u politika fl-UE u lil hinn.
Id-dibattitu, li ġie organizzat lejlet il-Jum Internazzjonali għal Persuni b’Diżabbiltà, kien immarkat b’diskors tassew personali u ta’ ispirazzjoni mis-Sinjorina Burke.
“Nitlobkom tbiddlu d-dinja billi taħdmu mal-persuni b’diżabbiltà u mhux għalihom. Ninsab grata ħafna li qegħdin tiffaċilitaw din it-taħdita u li nedejtu dan id-dibattitu. Madankollu, dan ma jistax ikun ta’ darba biss. Dan huwa moviment li nistedinkom tissiebħu fih, is-Sinjorina Burke qalet lis-sessjoni plenarja tal-KESE fejn indirizzat lill-istituzzjonijiet tal-UE għall-ewwel darba.
Hija għadha kemm irċeviet premju letterarju għall-ewwel ktieb tagħha, Break the Mould, li jħeġġeġ lit-tfal jagħrfu d-differenzi u jkunu kburin bihom infushom, kif inhuma. Hija wkoll l-ewwel persuna ta’ statura żgħira li dehret fuq il-qoxra tar-rivista Vogue u li attendiet il-Met Gala. Permezz tal-kumpanija tagħha, Tilting the Lens, hija taħdem sabiex tħaffef it-tibdil sistematiku fil-perċezzjoni u fit-trattament ta’ persuni b’diżabbiltà fl-oqsma tal-edukazzjoni u d-disinn.
Is-Sinjorina Burke ntlaqgħet mill-President tal-KESE, Christa Schweng, li tkellmet dwar l-importanza tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (UNCRPD), trattat internazzjonali rivoluzzjonarju li biddel il-mod kif inħarsu lejn id-diżabbiltà.
“Sfortunatament, is-sitwazzjoni għadha diffiċli u huma meħtieġa miżuri ulterjuri”, qalet is-Sinjura Schweng.
Il-kelliema li ħadu sehem fid-dibattitu enfasizzaw l-importanza ta’ edukazzjoni u impjiegi inklużivi, postijiet tax-xogħol aċċessibbli u l-użu ta’ lingwa, li għandhom jġiegħlu lill-persuni b’diżabbiltà jħossuhom sikuri u komdi. Huwa wkoll ta’ importanza fundamentali li dawn il-persuni jkunu involuti fid-deċiżjonijiet kollha li jaffettwawhom direttament.
Id-dibattitu tefa’ dawl fuq l-effett devastanti tal-pandemija fuq il-persuni b’diżabbiltà.
“L-Istrateġija Ewropea tad-Diżabbiltà għad-deċennju li jmiss tista’ tkun effiċjenti biss jekk tqis il-konsegwenzi tal-pandemija u tinfluwenza l-politiki u n-nefqa tal-Istati Membri”, wissa l-kap tal-Grupp Tematiku tal-KESE dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, Pietro Vittorio Barbieri.
Ioannis Vardakastanis, membru tal-KESE u president tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà, qal li minflok ma huma protetti u jingħataw prijorità, il-persuni b’diżabbiltà ġew injorati minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.
“Is-sitwazzjoni tas-saħħa u l-ħajjiet tal-persuni b’diżabbiltà huma importanti wkoll”, huwa enfasizza. (ll)