L-aħħar sejħa biex tippreżenta l-proġett tiegħek għall-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili 2021 dwar azzjoni dwar il-klima

Data tal-għeluq għat-tressiq tal-applikazzjonijiet: 30 ta’ Ġunju

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) qed jistieden lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-individwi bi proġetti kreattivi li jindirizzaw it-tibdil fil-klima biex japplikaw għall-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili 2021.

Din is-sena, il-premju ewlieni se jiċċelebra inizjattivi li kkontribwixxew għas-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Il-KESE b’hekk qed ifittex proġetti li qed jgħinu biex ikun hawn bidla fin-normi u l-imġiba u li qed jispiraw lin-nies biex isiru parti mis-soluzzjoni għall-klima, mhux parti mill-problema. Il-kandidati prospettivi tagħna qed iħabirku biex jagħmlu l-ekonomiji lokali iktar ekoloġiċi jew qed jixprunaw it-tranżizzjoni lejn soċjetajiet b’emissjonijiet żero netti fil-livell lokali jew reġjonali.

Id-data tal-għeluq biex jitressqu l-applikazzjonijiet hija t-30 ta’ Ġunju 2021 fl-10 a.m. (ħin ta’ Brussell).

Il-KESE – li jagħti leħen lit-trade unions, lill-NGOs u lill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fil-livell tal-UE – nieda s-sejħa għal applikazzjonijiet għall-premju, li għandu total ta’ EUR 50 000, f’April. Il-premju se jingħata lil massimu ta’ ħames rebbieħa waqt ċerimonja ta’ premjazzjoni li hija mistennija sseħħ fi Brussell fit-8-9 ta’ Diċembru 2021, skont is-sitwazzjoni tas-saħħa.

Il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili huwa miftuħ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha reġistrati uffiċjalment fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u li jaġixxu fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropew. Individwi li huma residenti fl-UE jistgħu japplikaw ukoll. Sabiex ikunu eliġibbli, l-inizjattivi u l-proġetti jridu jitwettqu fl-UE, u jridu jkunu diġà ġew implimentati jew ikunu għadhom għaddejjin.

Dawk li huma ppjanati iżda li ma jkunux bdew jiġu implimentati sat-30 ta’ Ġunju 2021 jiġu esklużi.

Id-deskrizzjoni sħiħa tar-rekwiżiti u l-formola tal-applikazzjoni online huma disponibbli fuq is-sit web tagħna: http://www.eesc.europa.eu/civilsocietyprize/.

 

AKTAR DWAR IT-TEMA TAL-PREMJU TA’ DIN IS-SENA

Din is-sena l-KESE se jagħti l-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili lil proġetti u inizjattivi eċċezzjonali li jkopru mill-inqas waħda mill-kwistjonijiet li ġejjin:

  • Il-promozzjoni tal-involviment sħiħ u/jew l-aċċettazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima;
  • Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-dibattitu dwar il-klima;
  • It-tfassil/L-implimentazzjoni ta’ proġetti li jispiraw u jippromovu tranżizzjoni lejn stili ta’ ħajja li ma jagħmlux ħsara lill-klima għal individwi fl-ambjenti u l-postijiet tax-xogħol lokali tagħhom, inkluż mill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem jew tal-ħaddiema;
  • Il-promozzjoni tal-għarfien dwar il-klima fost il-konsumaturi jew l-inkoraġġiment ta’ bidla fl-imġiba u fin-normi soċjali fil-kuntest tal-kriżi klimatika;
  • It-tfassil/L-implimentazzjoni ta’ proġetti li jippromovu politiki attivi dwar il-klima fil-livell lokali/reġjonali/nazzjonali jew Ewropew;
  • Il-promozzjoni tal-ġustizzja klimatika f’sens wiesa’, billi jiġu kkunsidrati d-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi; jitħeġġeġ l-għarfien dwar il-klima fost udjenzi usa’, aktar diversifikati u/jew żvantaġġati/emarġinati; jiġi żgurat li l-ebda grupp tas-soċjetà ma jitħalla jibqa’ lura fit-tranżizzjoni lejn ekonomija u soċjetà newtrali għall-klima;
  • Il-promozzjoni tal-edukazzjoni dwar il-klima fl-iskejjel fil-livelli kollha; it-tfassil/l-implimentazzjoni ta’ proġetti li jissensibilizzaw lill-istudenti dwar it-tibdil fil-klima u soluzzjonijiet għalih fost it-tfal u ż-żgħażagħ;
  • Is-sensibilizzazzjoni dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima u l-promozzjoni ta’ azzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu r-reżiljenza u l-adattament għat-tibdil fil-klima;
  • Il-promozzjoni tal-involviment tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-klima fil-livell lokali/reġjonali/nazzjonali jew Ewropew;
  • It-trawwim taċ-ċittadinanza attiva u l-abilitazzjoni permezz tal-involviment fi proġetti li jippromovu tranżizzjoni ġusta u joħolqu interazzjonijiet ċiviċi ġodda li jwasslu għal ekonomija newtrali għall-klima;
  • Il-promozzjoni tal-involviment attiv taż-żgħażagħ biex jiġu proposti u implimentati soluzzjonijiet klimatiċi, kif ukoll l-abilitazzjoni taż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-politiki dwar il-klima u l-ambjent fil-livell lokali/reġjonali/nazzjonali jew Ewropew.

 

DWAR IL-PREMJU GĦAS-SOĊJETÀ ĊIVILI

Fl-2021, il-KESE ser jagħti t-12-il Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili. Kull sena, il-Premju jkun iddedikat għal tema differenti ta’ rilevanza speċjali għall-UE, u jippremja u jinkoraġġixxi inizjattivi u kisbiet minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u/jew individwi li taw kontribut sinifikanti għall-promozzjoni tal-valuri komuni li jsaħħu l-koeżjoni u l-integrazzjoni Ewropea.

Aħna ġentilment nistidnuk tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’pajjiżek jew fin-network tiegħek biex japplikaw għall-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili 2021 u b’hekk tgħin biex proġetti ta’ siwi jiksbu rikonoxximent.

Work organisation